Internazzjonali

L-2017: L-aktar sena sikura għall-ivvjaġġar bl-ajru

Is-sena li spiċċat (2017) kienet l-aktar waħda ħielsa minn periklu fl-istorja tal-linji tal-ajru kummerċjali.

L-entità Olandiża To70, magħmulha mill-konsulenti għall-avvjazzjoni, u l-Aviation Safety Network, ikkonfermaw, wara r-riċerka dovuta u permezz ta’ rapporti separati, li ma kien hemm l-ebda tiġrif ta’ ajruplani tal-passiġġieri fid-dinja fl-aħħar 12 il-xahar.

Dan minkejja li fl-2017 saru aktar titjiriet milli fi kwalunkwe żmien ieħor fl-istorja.

Madankollu, it-To70 wissiet li minkejja l-miżuri għal sigurtà akbar fuq l-ajruplani tal-passiġġieri, ir-rata ta’ inċidenti ‘straordinarjament baxxa’ għandha titqies bħala ‘parti mix-xorti tajba’.

Skont l-Aviation Safety Network, fl-2017 kien hemm total ta’ għaxar inċidenti fatali bl-ajruplani li rriżultaw f’79 mewta. Fl-2016 kien hemm 16 il-inċident tal-avvjazzjoni li fihom kienu tilfu ħajjithom 303 persuna. L-organizzazzjoni tibbaża ċ-ċifri fuq inċidenti li jinvolvu ajruplani ċivili li jistgħu jġorru talanqas 14 il-persuna.

L-imwiet dovuti għall-inċidenti tal-ajru ilhom jonqsu b’mod regolari għal dawn l-aħħar 20 sena. Dan meta fl-2005 kien hemm hemm aktar minn 1,000 mewta fuq it-titjiriet kummerċjali għall-passiġġieri madwar id-dinja, skont l-istatistika tal-Aviation Safety Network.