Internazzjonali

L-Iran: Il-Mexxej Suprem Khamenei iwaħħal f’għedewwa għall-protesti

 

 

Il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, akkuża lill-għedewwa ta’ pajjiżu talli ‘xprunaw dawn il-ġranet ta’ protesti’ kontra l-awtoritajiet Iżlamiċi li ħallew talanqas 22 mejtin.

L-Ayatollah Khamenei kien qed jitkellem għall-ewwel darba mindu żbruffaw il-konfronti bejn dimostranti u qawwiet tas-sigurtà nhar il-Ħamis li għadda u li qed ikomplu.

Intant, mietu disa’ persuni oħra, fosthom tfajjel, waqt vjolenza ġdida fiċ-ċentru tal-Iran matul il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta.

Kien hemm inċident fejn xi dimostranti pruvaw jaħtfu l-armi minn għassa tal-pulizija fil-belt ta’ Qahderijan fil-provinċja ta’ Isfahan. Sadanittant, it-tfajjel, li kellu 11 il-sena, u raġel ta’ 20 sena, kienu rappurati maqtula fil-belt ta’ Khomeinishahr. Rapporti oħra semmew il-feriment ta’ membru tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran u sparar lejn il-pulizija f’Najafabad, fejn inqatel talanqas membru tal-qawwiet għaż-żamma tal-ordni.

Il-protesti attwali kontra l-awtoritajiet Iżlamiċi fl-Iran huma l-akbar miż-żmenijiet tal-elezzjoni għall-Presidenza tal-pajjiż li saru fl-2009 u li kienu qanqlu inkwiet sostanzjali.

L-Ayatollah Khamenei, permezz ta’ messaġġ fuq il-websajt uffiċjali tiegħu, qal li ‘fl-aħħar jiem, l-għedewwa tal-Iran użaw l-armi, il-flus, il-politika u s-servizzi sigrieti biex joħolqu l-inkwiet għal pajjiżu’.

Hu sostna li beħsiebu jindirizza lill-Iran rigward l-aħħar żviluppi ‘meta ż-żmien ikun opportun’.

Il-protesti bdew nhar il-Ħamis fil-belt ta’ Mashhad u, inizjalment, il-kaġun kien iż-żieda fil-prezzijiet u l-korruzzjoni. Madankollu, id-dimostrazzjonijiet infirxu fost sentimenti akbar kontra l-Gvern Iranjan, b’madwar 500 jispiċċaw arrestati fil-provinċja ta’ Tehran fl-aħħar jiem.

Sadanittant, l-Istati Uniti żiedet l-appoġġ ‘għar-reżistenza kuraġġjuża’ tad-dimostranti li qegħdin isemmgħu leħinhom kontra r-reġim Iżlamiku fundamentalista tal-Iran.

It-Turkija wkoll, ilbieraħ, esprimiet l-inkwiet dwar il-vjolenza li qed tinfirex madwar l-Iran u wissiet kontra kwalunkwe eskalazzjoni tal-kriżi.