L-Oppożizzjoni dalgħodu ippreżentat mozzjoni sabiex l-art fiż-Żonqor, fil-limiti ta’ Marsaskala tintradd lura lill-pubbliku u mill-ġdid issir parti mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar.
Il-mozzjoni kienet preżentata lill-iSpeaker Anġlu Farrugia mill-Viċi Kap għall-ħidma fil-Parlament David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Karol Aquilina u d-Deputat Whip tal-Oppożizzjoni Frederick Azzopardi.
Il-mozzjoni tgħid li l-kumpanija Ġordaniża Sadeen Education intrabtet li jkollha 1,000 student fis-sena fl-hekk imsejħa Universita’ Amerikana u din il-mira tniżżlet għal 300 student.
Id-Deputat Karol Aquilina qal li r-realta’ hi ferm ‘il bogħod minn dak li kien stmat fejn jirriżulta li hemm biss 15-il student li qed jattendu korsijiet. Dan juri li l-Universita’ qed issib diffikultajiet kbar biex tattira studenti tant li saħansitra keċċiet ħaddiema akkademiċi u amministrattivi.
Karol Aquilina qal li fid-dawl ta’ dan, jidher ċar li l-art fiż-Żonqor mhix meħtieġa mill-kumpanija Sadeen u l-Oppożizzjoni ma tridx li din l-art isservi biss għal skop ta’ spekulazzjoni.
Kompla li din is-sejħa mhux biss ġejja mill-Oppożizzjoni iżda wkoll mill-għaqdiet ambjentali u l-bdiewa tal-madwar.
Il-Viċi Kap tal-PN għall-ħidma fil-Parlament David Agius qal li din il-mozzjoni kienet ippreżentata fil-bidu tal-ħidma Parlamentari għall-2018 bħala parti mill-impenn biex l-Oppożizzjoni tkun waħda pożittiva, serja u kredibbli.
Hu qal li l-Oppożizzjoni qed twieġeb għas-sejħa tal-għaqdiet ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar, Ramblers Association, Front Ħarsien ODZ, Friends of the Earth (Malta) u Nature Trust Malta sabiex l-art ma tibqax f’idejn il-kumpanija Sadeen iżda għandha terġa ssir art pubblika li tiġi protetta u titgawda minn kulħadd.
Min-naħa tiegħu, l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia faħħar ix-xogħol tal-Oppożizzjoni li hu essenzjali f’demokrazija ħajja u b’saħħitha. Hu ddeskriva din il-mozzjoni bħala waħda “importanti ħafna” u esprima t-tama li l-mozzjoni tiġi diskussa fil-laqgħa tal-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra li se ssir is-Sibt li ġej.
Il-Parlament jerġa’ jiftaħ fil-15 ta’ Jannar.
Appoġġ mill-Front Ħarsien ODZ
Intant fi stqarrija, il-Front Ħarsien ODZ laqa’ b’sodisfazzjon din il-mozzjoni. Il-Front minn dejjem insista li l-art barra miz-zona tal-iżvilupp fil-limiti ta’ Marsaskala, qatt ma kellha tiġi żviluppata, irrispettivament min-numru ta’ studenti. Il-Front appella lill-Membri Parlamentari kollha biex jappoġġjaw din il-mozzjoni biex tirrifletti l-konsensus nazzjonali kontra l-qerda tal-ambjent u l-iżvilupp f’artijiet ODZ.
//= $special ?>