Knisja Lokali

Meta niġi Malta nittallab għall-fqar; Intervista ma’ Monsinjur Ġorġ Frendo OP, Arċisqof tal-Albanija

Minn Joe Cassar

F’pajjiż fejn il-Kattoliċi huma f’minoranza żgħira, komparat mal-Ortodossi u l-Musulmani, kif tiċċelebrawh il-Milied fl-Albanija?
Issa ili 20 sena hawnhekk u kull sena rajna progress kbir kif jiġi ċċelebrat. 20 sena ilu ftit kienet tinħass l-atmosfera tal-Milied. Illum l-istorja hi ferm differenti kemm bħala armar li jsir fit-toroq, fid-djar u fil-knejjes, u kemm l-attendenza fil-knejjes. Atmosfera festiva u ta’ ferħ.

Aħna niċċelebraw in-novena tal-Milied f’kull knisja tad-djoċesi. Isiru wkoll pageants tal-Milied bis-sehem ta’ tfal u żgħażagħ u mbagħad il-lejl tal-Milied ikun ċelebrat fil-knejjes kollha. F’ċerti knejjes, speċjalment fl-irħula, minħabba l-problemi tat-tajn fit-toroq u anki d-dwal, iċ-ċelebrazzjoni ssir aktar kmieni – ikun hemm min jiċċelebra l-quddiesa li aħna nsejħulha ‘ta’ nofsillejl’ anki fis-7 ta’ filgħaxija.

Hawnhekk f’Tirana hawn diversi knejjes. Fil-parti l-kbira minnhom il-Quddiesa tkun ċelebrata fl-10pm. Hu biss fil-Katidral li l-Quddiesa tibda f’nofsillejl preċiż u din allaħares inċaqalqulha l-ħin għax in-nies iriduha b’saħħa kbira, l-istess bħall-Quddiesa tal-Għid.

Qabel il-quddiesa jkun hawn kunċert ta’ Christmas Carols u f’nofsillejl preċiż tibda l-Quddiesa, fi knisja li tkun ippakkjata bin-nies. Ħafna drabi, meta t-temperaturi ma kinux baxxi bħal din is-sena, kellna nippreparaw anki l-loudspeakers fuq iz-zuntier għax ikollna ħafna nies barra l-Katidral.

Imbagħad ikun hemm ukoll quddiesa fil-11am, minbarra quddiesa oħra fid-9am bl-Ingliż biex naqdu anki personnel li jaħdmu f’ambaxxati, u quddiesa oħra filgħaxija, imma din ma tantx hi popolari man-nies, li jippreferu jisimgħu l-quddies filgħodu jew billejl biex filgħaxija jattendu għal festini familjari.

Aħna nkomplu l-atmosfera ta’ dawn il-ġranet billi norganizzaw ukoll parties għat-tfal tal-katekiżmu. Jiena personalment fil-jiem li għaddew żort ħafna skejjel, anki dawk tal-Musulmani u Ortodossi, u nintlaqa’ tajjeb kull fejn immur.

Din is-sena kienet ukoll it-tieni darba li organizzajna ikla għall-foqra dakinhar tal-Milied. Stedinna 200 u ġew mal-400, fil-maġġoranza kbira tagħhom Kattoliċi. (Dettalji dwar din l-ikla qed jidhru f’rapport separat fuq).

X’inhi s-sitwazzjoni tal-Kattoliċi llum fl-Albanija

Irrid ngħid li l-Kattoliċi hawnhekk kienu diskriminati fl-erba’ sekli u nofs ta’ ħakma Torka. Kienu diskriminati u persegwitati ħafna tul in-nofs seklu tal-ħakma Komunista, u għalhekk bħala proporzjon il-Kattoliċi hi l-iktar settur fqir tal-popolazzjoni.

Imma l-affarijiet qegħdin jinbidlu bil-mod?

Progress sar. Jien niftakar li meta ġejt hawn, fuq żjara esploratorja, fl-1993, meta mort lura Malta għedt li hawn fl-Albanija ma tistax tgħid lil wieħed sinjur għin lil sieħbek li hu fqir, għax is-sinjuri ma jeżistux. Imma llum ma nistax ngħid hekk… għax hawn ħafna li saru sinjuri u sinjuri kbar ukoll… min b’mezzi onesti, min għax kellu qraba li marru jaħdmu l-Italja, għamlu l-flus u issa jistgħu jgħixu iktar deċenti u bnew djar sbieħ, u anki diversi oħrajn li saru sinjuri bil-korruzzjoni, bit-traffiku uman, traffiku ta’ drogi, traffiku ta’ armi…

Imbagħad għandek ukoll sezzjoni oħra ta’ fqar li saru ħafna iktar fqar. Għax hawnhekk il-qgħad hu f’rata għolja ħafna, ta’ aktar minn 40 fil-mija. L-uniku pajjiż b’rata ta’ qgħad ogħla mill-Albanija hu l-Kosovo b’rata ta’ 50 fil-mija ta’ nies bla xogħol.

Barra minn hekk għandek ħaddiema li kultant lanqas jirċievu l-paga minima – li hi ta’ madwar 150 ewro fix-xahar u qajla jistgħu jitkellmu għax hawnhekk ma jeżistux trade unions. Ħafna mill-ħaddiema jaħdmu iktar mill-45 siegħa li tippermetti l-liġi. U min bħalkom ġie s’hawn jinduna mill-ewwel li hawnhekk il-ħajja mhijiex daqshekk irħisa daqskemm wieħed jista’ jimmaġina. Għajnuna soċjali prattikament hi wkoll ineżistenti u bosta jaħdmu f’kundizzjonijiet verament inumani.

Il-korruzzjoni fil-pajjiż għadha waħda lampanti daqs qabel?

Sfortunatament, iva. Anki ċerti għajnuniet li għandhom dritt għalihom iċ-ċittadini ma jeħduhomx, pereżempju tista’ tidħol fi sptar statali, imma jekk ikollok bżonn operazzjoni u ma xxaħħamx tista’ tmut.

Jekk tidħol l-isptar ikollok, trid jew ma tridx, ixxaħħam lill-kirurgu li joperak, lin-nurses li jieħdu ħsiebek jew biex jagħtuk xi injection, lill-fattigi li jaħslulek il-kamra… il-korruzzjoni hi mifruxa s’hawnhekk. U dawn huma sitwazzjonijiet li l-awtoritajiet jagħlqu għajnejhom quddiemhom, iħalluhom għaddejjin.

U intom kif tgħinu allura lil familji fil-bżonn?

Jekk tiġi mara, omm ta’ xi tlett itfal jew iktar u tgħid li se jkeċċuha mid-dar għax ma tiflaħx tħallas il-kera, lejn min se ddur għall-għajnuna? Lejna. Waħda kellha bżonn operazzjoni u talbuha 300 ewro. Minn fejn se ġġibhom jekk hi daqshekk fqira? U għalhekk iddur lejna.

L-istess l-istudenti, ngħinu ħafna studenti hawn għax inħossu li l-edukazzjoni hi prijorità. Ftit ilu kellimt grupp ta’ studenti Kattoliċi u għedtilhom li hemm bżonn li ’l quddiem dawn narawhom preżenti fil-Parlament, fil-ġudikatura, fl-isptarijiet, fl-universitajiet. Għandna bżonn aħna bħala Nsara li jkollna influwenza fis-soċjetà. Għax il-valuri nsara liema huma? Il-fraternità, il-ġustizzja, il-paċi, l-imħabba, is-solidarjetà. Dawn huma valuri kristjani hux hekk? U għalhekk l-edukazzjoni nagħtiha importanza kbira. U qed ngħinu ħafna studenti fqar aħna.

Ftit ilu żort raħal żgħir u fqir biex qaddist hemm u fl-aħħar tal-quddiesa għedtilhom biex dawk li qed jagħmlu studju universitarju wara jidħlu fis-sagristija biex inkellimhom. Daħlu ġewwa, kienu sitta b’kollox minn dar-raħal, kollha ġejjin minn familji fqar. Dawn b’sagrifiċċju enormi jiġu f’Tirana u biex ma jħallsux għal-lodging – xi 40 ewro fix-xahar ħafna drabi f’appartament li joqogħdu tlieta fih – ikollhom jirritornaw kuljum lura d-dar f’distanzi twal.

Għalihom 40 ewro fix-xahar huma ħafna. Allura jkollhom iqumu kmieni ħafna biex jaslu fil-ħin f’Tirana, l-Università, u mbagħad ovvjament ikollhom imorru lura, u jaħlu sigħat sħaħ ta’ vjaġġar, u anki t-trasport għalihom mhux daqshekk irħis. Jiena ġbarthom u għedtilhom li se nibda nħallas it-trasport tagħhom. U kull xahar se jibdew jiġu u nagħtihom il-flus jien.

Imma inti, kap ta’ Knisja li wkoll hi fqira, minn fejn iġġibhom il-flus biex tkun tista’ tgħinhom b’dan il-mod?

Ħeqq, jiena meta mmur Malta għall-vaganzi, taparsi, iktar immur biex nittallab u niġbor, mhux għalija għax jiena bil-pensjoni tiegħi minn Malta biżżejjed biex inħallas is-sewwieq, id-diesel li wkoll jiswa ħafna, it-telefons, eċċ. Kapriċċi u nfiq żejjed m’għandix. U għalhekk meta mmur Malta mmur biex nittallab. U nittallab għall-fqar. Għall-istudenti din is-sena għall-ewwel darba qed nirċievi ftit għajnuna minn assoċjazzjoni Kattolika fil-Ġermanja.

Il-Caritas hi attiva hawnhekk?

Iva, ħafna, tgħin kif tista’ familji foqra u anki s-settur tat-tfajliet abbużati. Dawk li jinqabdu, jintbagħtu l-Italja għall-prostituzzjoni, jirritornaw hawnhekk u meta jiġu lura hawnhekk isibu diffikultajiet kbar għax il-familji mhux dejjem jaċċettawhom u Caritas tidħol biex tgħinhom, kemm lilhom u kemm dawk li jsofru wkoll minn vjolenza domestika.

L-aħħar appell tiegħek…

Iktar minn appell nixtieq nirringrazzja lill-Maltin kollha li jkunu ġenerużi miegħi għax meta jkunu ġenerużi miegħi jkunu ġenerużi mal-foqra li niltaqa’ magħhom jien hawnhekk ta’ kuljum.

Il-ġenerożità tagħhom tgħin familji bħal dawn li tant raw tbatijiet f’ħajjithom biex għallinqas ikollhom dak li hu bażiku għal ħajja deċenti bid-dinjità li tixraq lil kull persuna.

▪ L-Arċisqof Frendo se jkun Malta dalwaqt għal żjara qasira ta’ jumejn. Min jixtieq joffri xi għajnuna jista’ jikkuntattja lill-awtur ta’ din l-intervista fuq in-numru 25965340 jew 79040591.