Il-kowċ tat-tim nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena tal-irġiel Ruben Baldacchino, f’Ottubru u Novembru attenda għal kors tal-kowċing fil-basketball fl-Istati Uniti wara li ġie mogħti borża ta’ studju mill-FIBA u l-Kumitat Internazzjonali Olimpiku mill-fondi tal-Olympic Solidarity Fund.
Baldacchino kien magħżul flimkien ma’ ħames kowċis oħra minn madwar id-dinja. Fl-ewwel parti tal-kors hu attenda fl-Università ta’ Delaware, fejn speċjalizza f’diversi suġġetti relatati mal-logħba tal-basketball professjonali. Wara li spiċċa l-ewwel parti, Baldacchino mar Philadelphia fejn kien qed jaħdem u jitgħallem mat-tim professjonali tal-Univesità ta’ Temple.
Hemm kellu ċ-ċans jitgħallem u jaħdem mal-Head Coach Fran Dunphy li hu wieħed mill-aktar kowċis rebbieħa fl-ogħla diviżjoni NCAA b’iktar minn 540 rebħa li jagħmluh il-ħames l-iktar kowċ rebbieħ fl-attiv.
Fl-Univeristà ta’ Temple, Baldacchino ħadem ma’ Aaron Mckie li hu eks plejer tal-NBA fejn kien rebaħ l-unur tal-aqwa 6th Man NBA (2000/01) u kien anke mexxa lil Philadephia Sixers.
Matul dawn l-erbgħa ġimgħat, Baldacchino iltaqa’ ma diversi nies importanti fix-xena tal-basketball internazzjonali fosthom Seth Berger (fundatur ta’ AND 1 u Head Coach ta’ West Town High School), diversi ‘scouts’ tal-NBA u plejers professjonali li lagħbu kemm fl-Ewropa u kemm fl-NBA.
L-aħħar parti tal-kors kienet tikkonsisti li l-kowċ Malti jara u jitgħallem minn timijiet tal-NBA fejn anke kien mistieden speċjali ta’ Washington Wizards u Philadelphia Sixers. Meta kien Washington, hu kellu l-opportunità li jagħmel laqgħa mal-Viċi-President ta’ Washington Wizards, fejn kellu anke l-opportunità li jżur il-faċilitajiet tagħhom.
Ruben Baldacchino irnexxielu jtemm b’suċċess dan il-kors ta’ l-ogħla livell tal-basketball (ICAB) fejn ingħata dan ir-rikonoxximent minn Dr. Matthew Robinson li kien mgħejjun mill-Prof. Jeffery Schneider tul dan il-kors organizzat mill-Università ta’ Delaware u l-FIBA.
B’hekk wara dan il-kors, Baldacchino hu l-aktar kowċ tal-basketball bi kwalifiki f’pajjiżna, wara li fl-2015 iggradwa wkoll mill-kors tal-FIBA European Coaching Certificate (FECC).
Matul is-sajf li għadda, hu kien parti mit-tim nazzjonali tal-irġiel ta’ taħt it-18-il sena li rebaħ il-midalja tal-bronż fil-logħob Ewropew tal-FIBA li saru f’Ċipru. Din l-opportunità li Baldacchino kellu, kienet possibbli grazzi għal Malta Basketball Association u l-Kumitat Olimpiku Malti.
//= $special ?>