Lokali

Festa ta’ Ġenerożità: Somma rekord ta’ €1,255,269 b’risq id-Dar tal-Providenza

Matul il-ġurnata kollha, NET Television qed ixandar il-maratona biex jinġabru l-fondi għad-Dar tal-Providenza

Fil-Festa ta’ Ġenerożità li saret b’risq id-Dar tal-Providenza fl-ewwel ġurnata tas-sena nġabret is-somma rekord ta’ €1,255,269. Il-maratona ixxandar fuq l-istazzjonijiet ewlenin, fosthom Net Television.

Is-sena li għaddiet fl-istess maratona nġabret is-somma ta’ €980,911 u din is-sena s-somma kisret kull rekord b’risq id-Dar tal-Providenza.

F’kumment fi tmiem il-maratona, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef irringrazzja lill-Maltin kollha għal din is-somma mill-isbaħ.

Il-Festa ta’ Ġenerożità bdiet dalgħodu b’quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna, u kompliet bi spettaklu u appelli  għad-donazzjonijiet b’risq id-Dar tal-Providenza tul il-ġurnata kollha.

Id-Dar tal-Providenza tieħu ħsieb aktar minn 100 resident bi bżonnijiet speċjali u għandha wkoll residenti f’diversi djar residenzjali madwar Malta.