Fl-2013 il-familja Cachia qattgħet jiem fl-ITU tistenna b’taqtiegħ il-qalb aħbarijiet dwar il-futur ta’ Jacob, dakinhar żagħżugħ ta’ 15-il sena li kien qed isofri minn infezzjoni serja f’moħħu.
Imdawrin minn qraba oħra ta’ pazjenti f’sitwazzjoni kritika, għal Sarah u r-raġel tagħha Sammy d-dinja kienet qed tikkrolla. Madwarhom għexieren ta’ persuni wieqfa magħhom f’turija ta’ solidarjetà, iżda f’mument bħal dak kienu jħossuhom waħidhom.
Illum-il ġurnata Jacob irkupra, għalkemm id-diffikultajiet jippersistu, u bl-għajnuna ta’ familtu fetaħ il-ħanut Jacob’s Brew biex wettaq il-ħolma li jmexxi ħanut tal-kafe.
Iżda hu u familtu ma waqfux hawn. Bl-esperjenza kerha tal-jiem fl-ITU warajhom, issa Jacob, ommu Sarah u missieru Sammy se jibdew il-proġett Jacob’s Coffee Run biex iwasslu kafe u sandwiches lill-qraba li jkunu qed jistennew fil-waiting area tal-ITU.
L-inizjattiva bdiet wara li mill-profitti ta’ Jacob’s Brew, Jacob ta donazzjoni ta’ €500 lil Survivors’ Malta, għaqda mhux governattiva li bdiet ommu Sarah bl-għan li tati tama lil persuni li għaddejjin minn żmien diffiċli.
L-appell hu biex min jista’ jgħin jagħmel dan biex din l-inizjattiva ma tintemmx malli jintużaw il-fondi, iżda tkun xi ħaġa kontinwa li tolqot kemm jista’ jkun nies.
//= $special ?>
