Lokali

“Wasalt lejn l-aħħar” – Bjorn jgħid li qed jara l-mewt toqrob

Bjorn jgħid li se jqum għall-aħħar ġlieda kontra l-ALS "sal-aħħar"... bit-tama li s-sena d-dieħla jkun għadu ħaj biex jagħti l-awgurju għas-sena l-ġdida

Bjorn Formosa, ir-raġel li fl-aħħar snin kien is-sors ta’ ispirazzjoni għal bosta, qal li qed iħoss li qed joqrob lejn it-tmiem.

F’messaġġ għall-ewwel tas-sena fuq Facebook, Bjorn qal li l-kundizzjoni tiegħu kompliet tiprogressa b’mod mgħaġġel, tant li llum iqatta’ għoxrin siegħa fil-ġurnata jieħu n-nifs minn magna tan-nifs. Qal ukoll li ġismu ddgħajjef wisq biex it-trattament li qed jieħu jagħmel xi tip ta’ effett, tant li miraklu biss jista’ jsalvah.

Bjorn qal li għajja jsellem lil ħbieb ġodda li tilfu l -battalja tagħhom mal-ALS. Żied li l-aħħar jiem lanqas ma kienu faċli għalih, tant li qed jara l-mewt toqrob.

Bjorn Formosa jbati bl-ALS – kundizzjoni li toqtol il-muskoli kollha tal-ġisem sakemm il-bniedem lanqas ikun jista’ jieħu n-nifs, u b’konsegwenza t’hekk, imut. Il-ġlieda tiegħu kontra din il-kundizzjoni, u l-perseveranza li ma jaqtax qalbu quddiem din is-sitwazzjoni, ispirat lil eluf kbar ta’ Maltin.

Fl-istess post fuq Facebook li fih Bjorn qal li qed iħoss li wasal lejn l-aħħar, qal ukoll li jekk imut dan m’għandux ikun it-tmiem ta’ kollox, iżda kontinwazzjoni ta’ dak li nbeda fl-aħħar snin. Hu kien qed jitkellem b’referenza għall-Fondazzjoni ALS Malta u l-proġetti li din wettqet – fosthom ‘Djar Bjorn’ – dar li tilqa’ nies bl-ALS – ħolma ta’ Bjorn li saret realtà.

Hu temm il-messaġġ tiegħu li issa se jerġa’ jqum biex jiġġieled l-aħħar ġlieda kontra l-ALS “sal-aħħar”. “Għad għandi t-tama li s-sena d-dieħla nerġa’ nkun hawn biex nawguralkom is-sena t-tajba”, temm jgħid Bjorn.

https://www.facebook.com/bjornformosaals/posts/852397788266066