Imbikkem u ddispjaċut, Fonzu ġie jitkellem magħna li hu marid b’kanċer fil-pulmun, u ta’ 55 sena kellu jirreżenja mill-post tax-xogħol tiegħu fl-isptar Monte Karmeli minħabba l-kundizzjonijiet li kien jinsab jaħdem fihom.
Iżda minkejja li l-amminstrazzjoni kienet taf bil-marda tal-kanċer fil-pulmun, xorta waħda kien isir tipjip fejn kien jaħdem hu. Stqarr li hu kien jaħdem fl-iswali tal-isptar Monte Karmeli, iżda minħabba l-marda tiegħu ngħata post tax-xogħol fil-kċina – iżda stqarr li ma kienx jaf li jpejpu anki hemm.
Wara sena u nofs jissaporti – Fonzu kellu jirreżenja mill-post tax-xogħol minkejja li għandu problemi finanzjarji minħabba l-marda tal-kanċer, għaliex kull fejn kien ikun dejjem kien hemm l-irwejjaħ tas-sigaretti, saħansitra anke fit-toilets. Fonzu qalilna li hu jinsab: “Imbikkem, iddispjaċut, u rrabjat – għandi 55 sena, kif se nsib xogħol? Kieku l-amministrazzjoni kienu rġiel ma kienux ipejpu huma stess ġol-uffiċini u l-kċina”. Stqarr li hemm nies oħra li ma jpejpux u qegħdin ibatu hemm.
Semma’ kif hu kien ħa l-karti tat-tabib lill-amministrazzjoni – iżda minflok ċanfru lil min beda jkeċċih mill-kamra biex ipejjep, weħħlu fih ħabba l-kundizzjoni tiegħu. Fonzu semma’ wkoll, li kollox beda minn meta saru jafu t-twemmin politiku tiegħu. U kemm-il darba semmewlu l-politika, u heddewh bil-post tax-xogħol – fejn darba saħansitra tellawh fl-uffiċju, u ħaddiem imlehhaq beda jheddu bil-post tax-xogħol ta’ familtu u tiegħu quddiem tnejn mill-amministrazzjoni fl-isptar. Qalulu li jekk se jivvota lill-Partit Nazzjonalista jew ma jmurx jivvota, l-għada tal-elezzjoni hu u familtu jispiċċaw bla xogħol.
Madanakollu, Fonzu stqarr magħna li mhux il-ħaddiema kollha kienu hekk miegħu, anzi kien hemm min ġabar l-flus meta sar jaf bil-marda tiegħu. Iżda llum xorta waħda m’għandux il-flus biex jixtri l-uniformi tax-xogħol.
Fonzu qal li jħossu iddispjaċut li kellu jirreżenja mill-post tax-xogħol tiegħu, iżda ma kellux triq oħra – għax l-ewwel tiġi saħħtu.
//= $special ?>