Lokali

Jingħata l-aħħar tislima ċ-ċkejken Ziam

Fil-Knisja Arċipretali ta’ Bormla, l-Erbgħa wara nofsinhar sar il-funeral taċ-ċkejken Ziam li għadda għall-ħajja ta’ dejjem fl-ewwel Jum tas-sena l-ġdida.

Fi Knisja mimlija b’nies lebsin l-abjad u celest biex isellmu lil dan it-tifel li bata mhux ftit Fr. Deo Debono fl-Omelija sellem lil Ziam u ddeskrivieh bħala bniedem li minkejja li kien għaddej minn tbatija kien joffri tbissima f’mumenti diffiċli.

Ziam kellu kundizzjoni rari u minħabba f’hekk, ta’ spiss kien ikollu jmur barra minn Malta għall-kura speċjalizzata. Il-ġenituri ta’ Ziam kienu saru jafu li binhom kellu il-‘Griscelli Syndrome’ meta dan kellu biss erba’ xhur.

Apparti li meta kien iżgħar Ziam kellu bżonn trapjant, l-affarijiet kienu kkumplikaw ruħhom b’din il-kundizzjoni u kumplikazzjonijiet oħra. Kundizzjoni li minħabba fiha, xagħar Ziam kien bjad. Imma fuq kollox, kundizzjoni li kienet qed iġġiegħel lil Ziam ibati ħafna. Minħabba l-kundizzjoni taċ-ċkejken, il-familja u l-ħbieb ta’ Ziam kienu jorganizzaw attivitajiet biex jiġbru flus ħalli Ziam seta’ jsiefer barra minn Malta għat-trattament.

Fi tmiem il-funeral ittajru ammont ta’ ħamiem b’tislima li dan iċ-ċkejken li issa straħ mit-tbatija.