Formula 1 Sport

Michael Schumacher illum jagħlaq 49 sena

Michael Schumacher rebaħ seba' Kampjonati tad-Dinja

Il-leġġenda tal-Formula 1 Michael Schumacher illum jagħlaq 49 sena. Il-kundizzjoni tiegħu għadha misteru wara li Schumacher kellu aċċident kważi fatali fl-Alpi ta’ Franza fid-29 ta’ Diċembru tal-2013.

Is-seba’ darbiet Champion tad-Dinja tal-Formula 1 kien fl-Isptar ta’ Grenoble fejn tpoġġa’ f’koma u għadda minn żewġ operazzjonijiet diffiċli. Hu nħareġ mill-koma u ħalla dak l-isptar fl-2014, bi ftit informazzjoni żvelata mill-familja tiegħu. Il-Ġermaniż ma jistax jimxi u jinsab fid-dar tal-familja fl-Iżvizzera.

Schumacher kien għamel id-debutt fil-Formula 1 ma’ Jordan fil-Grand Prix tal-Belġju fl-1991. Wara kien ingħaqad ma’ Benetton fejn rebaħ l-ewwel żewġ kampjonati fl-1994 u l-1995. Fl-istaġun ta’ wara, hu ngħaqad ma’ Ferrari fejn għamel għaxar snin mal-klabb minn Maranello u kiseb l-akbar suċċess tal-karriera. Wara li fi tmiem l-2006 ħabbar li rtira mill-isport, fl-2010 kien irritorna għal tliet staġuni mal-Mercedes, bl-aħħar tiġrija tiegħu tkun il-Grand Prix tal-Brażil fl-2012.

Schumacher hu l-uniku sewwieq fl-istorja tal-Formula 1 li rebaħ seba’ Kampjonati tad-Dinja, ħamsa minnhom b’mod konsekuttiv. Il-Ġermaniż għandu wkoll ir-rekords tal-aktar Grand Prix’s mirbuħa b’total ta’ 91 tiġrija, l-aktar dawriet veloċi b’total ta’ 77 u 13-il tiġrija mirbuħa fi staġun wieħed.

Il-partitarji ta’ Schumacher għadhom jisħqu biex jitolbu għalih bl-aktar frażi li ddur fil-media soċjali hi #KeepFightingMichael.