Lokali

FILMAT: Helena Dalli ma tkellmitx ma’ Michael Farrugia wara li dan iġġustifika l-vjolenza domestika minn Mario Tonna

Il-Ministru tal-Libertajiet Ċivili tiddefendi lill-Ministru Farrugia u tgħid li dan skuża ruħu għall-kummenti li għamel

Ara l-filmat hawn taħt

Il-Ministru tal-Libertajiet Ċivili Helena Dalli ma tkellmitx mal-Ministru Michael Farrugia, wara li dan għadda kummenti li bihom iġġustifika l-vjolenza domestika li wettaq l-eks Assistent Kummissarju Mario Tonna fuq is-sieħba tiegħu.

Mario Tonna, li ngħata sensiela promozzjonijiet mill-Gvern Laburista, irriżenja mill-Korp wara rapport ta’ vjolenza domestika mis-sieħba tiegħu. B’reazzjoni, il-Ministeru ta’ Michael Farrugia ġġustifika dan kollu, u qal li l-Assistent Kummissarju Mario Tonna kien jaħdem siegħat twal – reazzjoni li ġiet ikkundannata u interpretata minn ħafna bħala ġustifikazzjoni għall-vjolenza domestika.

Imma Helena Dalli, il-Ministru tal-libertajiet ċivili, ma kellha l-ebda konversazzjoni ma’ Michael Farrugia dwar dawn il-kummenti kontroversjali. “Le, jiena Michael Farrugia ma ltqajtx mieghu”, qaltilna l-Ministru Dalli wara li qaltilna li l-Ministru Michael Farrugia talab skuża għal dik id-dikjarazzjoni li għamel.

Staqsejna wkoll lill-Ministru jekk taħsibx li għandhom jittieħdu passi kontra Mario Tonna fid-dawl tal-allegazzjonijiet kontrih, bil-Ministru tgħidilna li dik mhux deċiżjoni tagħha. “Jidhirli li rriżenja, hux hekk, però l-passi dawk issa sta għad-dipartiment li jaqa’ taħtu, mhux għalija li ngħid”, qaltilna l-Ministru. Meta staqsejna jekk taħsibx li l-Pulizija għandhom jieħdu passi u jipproċedu fil-Qorti, il-Ministru Dalli qaltilna: “Dik mhijiex deċiżjoni tiegħi”.

Sadanittant, il-kummenti ta’ Michael Farrugia sabu wkoll il-kundanna tal-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista – li fi stqarrija qal li jemmen li l-kummenti ta’ ġustifikazzjoni minnu huma għal kollox inaċċettabbli.

L-FOIPN qal li jekk għall-Ministru huwa aċċettabbli li persuna li tahdem siegħat twal tista’ twettaq vjolenza domestika, mela allura l-Ministru mhux il-persuna idoneja li tkun responsabbli mill-Korp tal-Pulizija li suppost jipproteġi lill-vittmi ta’ vjolenza domestika, bl-FOIPN isejjaħ biex il-Ministru Michael Farrugia jerfa’ r-responsabbiltà politika ta’ dawn il-kummenti.