Lokali

‘Il-Magħluq’ f’Wied il-Għajn qed jitħalla fi stat ta’ abbandun

Ilma qiegħed, ħut mejjet, ġrieden u skart li jitfgħu in-nies. Din hi s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Magħluq ta’ Marsascala. Fil-Magħluq wieħed għadu jsib il-papri imma anke dawn qed jonqsu. Sfortunatament jintefa’ fiż-żona anke ħobż għall-papri iżda dan l-ikel qed ikompli jġib aktar ġrieden.

Dan ikkonfermah ma’ Net News il-minority leader tal-Partit Nazzjonalista fi ħdan il-Kunsill Lokali ta’ Marsascala, John Baptist, li qal li din hi sitwazzjoni inaċettabbli u dan meta bħala kunsilliera tal-PN ilhom jagħmlu pressjoni biex il-Magħluq jitnaddaf kif suppost.

John Baptist spjega wkoll li meta 20 sena ilu sar ix-xogħol fuq il-promenade kienu saru żablji fil-mod kif jgħaddi l-ilma baħar għall-magħluq.

Fil-passat fil-Magħluq kien ikun hemm mhux biss papri imma anke ħut. Il-Magħluq hu sit ta’ Natura 2000 li għalih suppost hemm pjan ta’ mmaniġjar ffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

F’isem ir-residenti ta’ Marsascala John Baptist qal li l-Magħluq ta’ Marsascala għandu jitnaddaf għaliex l-ewwelnet għandu jinżamm nadif u anke għaliex għandu jkun żona ta’ attrazzjoni għal min iżur Wied il-Għajn.