Il-Pulizija għandha l-obbligu li tinvestiga biex tara jekk għandiex tieħu passi minn jeddha kontra l-eks Assistent Kummissarju Mario Tonna. Mario Tonna fl-aħħar jiem irriżenja wara storja fil-gazzetta In-Nazzjon fl-ewwel tas-Sena fejn ġie żvelat li sar rapport lill-Pulizija mis-sieħba tiegħu, li allegat li agredixxiha, taha daqqa ta’ ras f’nofs wiċċħa u kkaġunalha feriti f’imneħirha.
B’reazzjoni, il-Gvern iddefenda lil Mario Tonna fejn fost l-oħrajn ingħad li r-rapport mis-sieħba ta’ Mario Tonna ġie rtirat. Iżda meta NET news tkellem mal-Avukat u espert fil-liġi kriminali Joe Giglio, ħareġ li l-Pulizija xorta waħda għandha l-obbligu li tinvestiga biex tara jekk għandhiex tieħu passi minn jeddha kontra Mario Tonna.
“Persuna li qed tallega li hija vittma ta’ vjolenza domestika, ma jfissirx li jekk tmur l-għassa biex twaqqa’ r-rapport, il-Pulizija għandhom jieqfu hemm”, innota Joe Giglio waqt li spjega li l-Pulizija xorta għandha l-obbligu li tinvestiga f’ċertu każijiet.
“Jekk fir-rapport li jkun sar, u li din il-persuna trid twaqqgħu, il-Pulizija qed jirriżultalha li skont ir-rapport hemm reati li għandhom jiġu investigati irrispettivament mix-xewqa tal-pesuna li twaqqa’ r-rapport, il-Pulizija għandha imbagħad id-dover li tinvestiga, tara u tiddetermina jekk hemmx lok li jittieħdu proċeduri fil-Qorti”, żied jgħid.
Il-liġi tagħmel distinzjoni bejn reati żgħar u reati aktar serji u gravi. Fejn jidħlu reati żgħar, il-Pulizija ma tkunx tista’ tmexxi mingħajr il-kunsens tal-vittma. Iżda fejn jidħlu reati serji u gravi – fosthom każijiet ta’ vjolenza domestika – il-Pulizija tkun trid tmexxi irrispettivament mix-xewqa tal-vittma.
“Jekk ir-reati li l-persuna tkun irrappurtat dwarhom huma reati bħal pereżempju feriti ħfief, illi jitmexxew u jiġu prosegwiti l-Qorti biss fuq l-insistenza u t-talba ta’ min għamel ir-rapport, allura l-Pulizija jkunu jistgħu jieqfu hemm”, qalilna l-Avukat. “Jekk però, mill-banda l-oħra, ir-rapport ikun jikkonċerna ħafna reati oħra, fosthom reati bħal vjolenza domestika u ħsara volontarja, li huma reati li l-Pulizija għandhom l-obbligu u d-dover li jinvestigawhom, allura l-fatt li l-persuna marret l-għassa u ddeċidiet li waqqa’ r-rapport, ma jfissirx awtomatikament li l-Pulizija jistgħu jieqfu hemm”, spjega l-Avukat Giglio.
Joe Giglio żied jgħid li fuq kollox, f’każijiet ta’ vjolenza domestika, il-Pulizija għandha jkollha r-responsabbiltà li trid tistaqsi għaliex il-vittma tkun trid twaqqa’ r-rapport – għax dan jista’ jkun ġej minn biża’ ta’ theddid jew tpattija.
//= $special ?>