Lokali

Konfermata l-istorja ta’ Net News: Sindku Laburist jinħatar Kap Eżekuttiv fl-Isptar Monte Karmeli

Kif żvelat Net News fit-13 ta’ Novembru li għadda, il-Gvern illum ikkonferma li s-Sindku Laburista ta’ Santa Venera Stephen Sultana inħatar Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Karmeli. Kariga li qed titqies bħala waħda politika.

Il-Gvern fi stqarrija li ħareġ illum ħabbar li ħatar lil Stephen Sultana bħala Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Karmeli.

Stephen Sultana mhux biss huwa s-Sindku Laburista ta’ Santa Venera, iżda kien ukoll kandidat għall-elezzjoni ġenerali tal-2013 mal-Partit Laburista fuq l-ewwel distrett.

Stephen Sultana m’għandu l-ebda esperjenza fil-qasam mediku u kien jaħdem f’bank lokali.

Fl-aħħar xhur, l-isptar Monte Karmeli ġibed l-attenzjoni ta’ bosta, dan hekk kif kien hemm mewt ta’ pazjent wara li ġie infettat bil-leġjonella, dan filwaqt li ġew żvelati wkoll ritratti li juru l-istat diżastruż u ta’ abbandun li jinsabu s-swali tal-pazjenti, bil-pazjenti qed jgħixu f’periklu kbir. Fl-isptar saħansitra ċedew partijiet mis-soqfa.

Persuni li tkellmu ma’ Net News qalulna li jinsabu nkwetati bil-ħatra tas-Sindku Laburista bħala Kap Eżekuttiv ta’ Sptar daqstant delikat, u dan għaliex din hi ħatra minn sensiela ta’ ħatriet politiċi.

Stephen Sultana ilu attiv għal snin twal fi ħdan il-Partit Laburista, fejn okkupa l-kariga ta’ Segretarju Finanzjarju fl-Eżekuttiv tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, għamel sitt snin konsekuttivi fil-kariga ta’ President u tlettax-il sena bħala Segretarju tal-Kumitat Lokali Laburista ta’ Santa Venera. Illum il-ġurnata, Stephen Sultana hu Delegat tal-Partit Laburista, membru fl-Eżekuttiv tas-Sezzjoni tal-Kunsilliera tal-Partit Laburista, u Sindku tal-lokalita’ ta’ Santa Venera.