Lokali

L-Oppożizzjoni tagħmel talba formali biex il-bejgħ tal-isptarijiet jiġi diskuss b’urġenza f’kumitat tal-Parlament

Jitħabbar ukoll li fil-jiem li ġejjin se ssir talba biex l-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika jagħmel investigazzjoni dwar il-privatizazzjoni tal-isptarijiet

L-Oppożizzjoni għamlet talba formali biex il-bejgħ tat-tliet sptarijiet ikun diskuss b’mod urġenti mill-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa. Dan tħabbar mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament David Agius u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri f’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Parlament.

It-talba saret permezz ta’ ittra li ntbgħatet liċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa Silvio Grixti mill-Kelliem tal-Oppozizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri u fiha saret it-talba biex jiġi diskuss b’mod immedjat l-impatt tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet fuq is-sistema tal-kura f’Malta fil-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa.

L-isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-isptar St. Luke’s u l-isptar Karen Grech huma t-tliet sptarijiet li l-Gvern kien biegħ lill-kumpanija Vitals Global Healthcare b’ftehim iffirmat f’Marzu 2016. Il-ftehim kien iffirmat għal 30 sena sħaħ. Fl-aħħar ġimgħat ġie żvelat ukoll li Vitals Global Healthcare biegħet il-konċessjoni għat-tmexxija tat-tliet sptarijiet lil kumpanija oħra (Steward Healthcare System) wara biss 20 xahar minn mindu kien iffirmat il-ftehim bejn il-Gvern Malti u Vitals.

David Agius u Stephen Spiteri ħabbru wkoll li apparti talba għal diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa, fil-jiem li ġejjin se tkun qed issir talba lill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) sabiex ikomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom dwar il-privatizazzjoni tal-isptarijiet skont il-ftehim oriġinali bejn il-Gvern u l-Vitals.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet saru numru ta’ mistoqsijiet mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, fosthom għaliex Vitals telqet minn Malta meta suppost kellha kuntratt ta’ 30 sena. Ġie mistoqsi wkoll jekk issa l-Gvern jistax jgħid min huma l-veri sidien ta’ Vitals u kemm laħqu ħadu flus Vitals sakemm kienu għadhom f’Malta.

Filwaqt li David Agius innota kif l-Oppożizzjoni dejjem insistiet li s-sistema tal-kura tas-saħħa hija ta’ interess nazzjonali u m’għandix tkun ridotta għal sempliċiment transazzjoni kummerċjali, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri fakkar kif il-bejgħ tat-tliet sptarijiet minn dejjem kien imdawwar b’qoxra ta’ segretezza. Qal li fl-aħħar ġimgħat u xhur bdew jiġu żvelat ħafna affarijiet ġodda li ma konniex nafu bihom qabel – fosthom kif it-tagħmir kollu tat-tliet sptarijiet inbiegħ mill-Gvern għal ewro wieħed biss.