Wara li f’Novembru tħabbar li l-hekk imsejħa Università Amerikana keċċiet terz tal-akkademiċi u ħaddiema amministrattivi li kellha, Net News jinsab infurmat li llum din l-Università keċċiet 12-il ħaddiem ieħor, ħafna minnhom akkademiċi.
L-Università inġiebet Malta mill-Gvern ta’ Joseph Muscat u biex topera ngħatat il-bini f’Baċir numru 1 f’Bormla u ngħatat ukoll art ODZ fiż-Żonqor.
Net News jista’ jiżvela li dawk li tkeċċew illum, kienu infurmati b’email u qalulhom li r-raġuni kienet li kienu għadhom taħt probation. Fil-fatt jidher l-prassi li qed tuża din l-Università hi li tkeċċi lill-ħaddiema eżatt qabel jintemm iż-żmien tas-sitt xhur probation.
L-Università fetħet il-bibien f’Settembru li għadda, iżda mal-bidu tas-sena skolastika, kien hemm inqas minn 15-il student, dan waqt li oriġarjament l-Universita’ kellu jkollha 4,000 student u studenta, bil-maġġorparti sippost kellhom ikunu studenti barranin.
Ftit xhur wara li fetħet din l-Università kull ma jmur qed ikompli jidher biċ-ċar il-falliment ta’ din l-Università.
Waqt li tkeċċew aktar akkademiċi, Net News jinsab infurmat li fost il-ftit li għadhom impjegati mal-Università, hemm il-librar.
B’rabta ma’ dan il-kroll tal-Università Amerikana, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista din il-ġimgħa ppreżentat mozzjoni sabiex l-art fiż-Żonqor, fil-limiti ta’ Marsaskala tintradd lura lill-pubbliku u mill-ġdid issir parti mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar.
Il-mozzjoni kienet preżentata mill-Viċi Kap għall-ħidma fil-Parlament David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Karol Aquilina u d-Deputat Whip tal-Oppożizzjoni Frederick Azzopardi.
Il-mozzjoni tgħid li l-kumpanija Ġordaniża Sadeen Education intrabtet li jkollha 4,000 student fis-sena fl-hekk imsejħa Università Amerikana, dan waqt li issa jirriżulta li hemm biss 15-il student li qed jattendu korsijiet.
Mistoqsijiet li Net News bagħat l-Università Amerikana baqgħu mhux imwieġba.
//= $special ?>