Lokali

La Valette Lounge fl-MIA fost l-aqwa minn 1000 sala VIP f’Ajruporti madwar id-dinja

La Valette Lounge fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta huwa wieħed minn 16-il VIP lounge f’ajruporti madwar id-dinja li rċevew rakkomandazzjoni tassew prestiġjuża minn Priority Pass fil-Lounge of the Year Awards għall-2017. Priority Pass huwa programm li ħoloq netwerk ta’ aktar minn 1,000 lounge VIP li jinsabu f’ajruporti internazzjonali.

La Valette Lounge ġiet inawgurata f’Marzu li għadda wara li sarilha tisbiħ estensiv bħala parti minn investiment ta’ 12-il miljun ewro li l-ajruport qed jagħmel fit-terminal, u hija miftuħa kemm għall-membri tal-programm VIP tal-ajruport, La Valette Club, u kemm għal persuni li jkunu qegħdin jivvjaġġjaw u jagħmlu użu minnha ta’ darba. Żewġ karatteristi li jagħmlu din is-sala tassew unika huma ħajt tal-ħġieġ li jagħti għal fuq ir-runway tal-ajruport u terrazza fejn wieħed jista’ jgawdi x-xemx għall-aħħar darba qabel ikompli bil-vjaġġ tiegħu.

George Mallia, il-Kap tal-Bejgħ u l-Proprjetà qal li “ninsabu kburin li l-isforzi reċenti tagħna sabiex intejbu l-offerta VIP tagħna permezz tal-ftuħ ta’ sala ġdida ġew ipprempjati minn Priority Pass. Din ir-rakkomandazzjoni tinkoraġġina nkomplu ninvestu fil-faċilitajiet tas-sala, kif ukoll f’taħriġ kontinwu għat-tim sabiex niżguraw li s-servizz mogħti jirrifletti tabilħaqq l-importanza li aħna, bħala kumpanija, nagħtu lill-għoti ta’ servizz eċċellenti f’kull punt tal-vjaġġ tal-passiġġieri tagħna,”