Futbol Sport

Torino jkeċċu lil Mihajlovic u jaħtru lil Mazzarri

Mihajlovic m’għadux kowċ ta’ Torino

Jum wara t-telfa fil-kwarti tal-finali tal-Coppa Italia kontra Juventus, Torino ħabbru li keċċew lill-kowċ Sinisa Mihajlovic u minfloku ħatru lil Walter Mazzarri.

It-telfa ta’ 2-0 kontra Juventus kienet waħda minn diversi riżultati negattivi li kisbu Torino dan l-aħħar.

Mill-aħħar tmien konfronti fis-Serie A Torino kienu rebħu biss darba biex b’hekk jinsabu fl-10 post tal-klassifika.

Mihajlovic kienu ilu jmexxi lil Torino sa minn Mejju tal-2016. Din hi r-raba’ darba fil-karriera tiegħu li tkeċċa minn ma’ klabb u t-tieni darba li t-tkeċċija waslet wara telfa kontra Juventus.

L-ewwel klabb li mexxa Mihajlovic fis-Serie A kien dak ta’ Bologna fl-istaġun 2008-09 wara żmien jaħdem bħala assistent ta’ Roberto Mancini ma’ Inter.