Lokali

FILMAT: Imut Emmanuel Barbara; l-isqof Malti fil-Kenja – segwi l-aħħar intervista miegħu

Dalgħodu qomna xxukjati hekk kif irċevejna l-aħbar tal-mewt tal-Isqof Malti f’Malindi fil-Kenja, Emmanuel Barbara, fl-eta’ ta’ 68 sena.

L-Isqof Emanuel Barbara, li kien mill-Gżira, ġie ordnat Isqof fil-Kenja fl-2011 u ħadem għal 26 sena mal-foqra fl-Afrika. Fl-2013 il-Papa Franġisku ħatar lill-Isqof Emanuel Barbara O.F.M. Cap. bħala Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Mombasa.

L-Isqof Barbara nstab mejjet kmieni dalgħodu fis-sodda tar-residenza tiegħu f’Malindi.

L-aħbar ħasdet lil ħafna, fosthom anke għaliex l-Isqof Barbara kien għadu attiv ferm u kien għadu jaħdem bla waqfien biex itejjeb il-ħajja tal-foqra waqt li joħlom b’diversi proġetti.

Hu kien l-aħħar intervistat f’Lulju li għadda meta kien f’Malta u fl-intervista li xxandret fuq Net Television tkellem dwar il-missjoni tiegħu.

L-Isqof Barbara studja l-Filosofija u t-Teoloġija u ġie ordnat qassis fl-1974.

Serva ta’ Viċi Kappillan fil-Parroċċa ta’ San Ġwann, kien jgħallem fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex u kien jifforma parti mill-Moviment ta’ Kana.

Għamel sentejn bħala l-Kappillan tal-Isptar San Luqa u anke Rettur tal-Istitut ta’ Ħajja Kkonsagrata.

L-Isqof Barbara serva bħala Provinċjal tal-patrijiet Kappuċċini f’ u President tal-Konferenza Ewropea tal-Kappuċċini.

Net News jibgħat il-kondoljanzi lill-qraba tal-Isqof Barbara.

Din il-ġimgħa wkoll miet Isqof Malti ieħor, il-Vigarju Apostoliku Emeritu tal-Kuwait, Monsinjur Francis Adeodato Micallef.