Il-Ġimgħa filgħodu tħabbret il-mewt tal-Isqof Malti f’Malindi fil-Kenja, Monsijur Emmanuel Barbara – fl-eta’ ta’ 68 sena. L-isqof Emmanuel Barbara baqa’ sal-aħħar mumenti ta’ ħajtu ddedikat li jgħin lil min hu fil-bżonn fl-Afrika – dan wara ħajja jservi l-proxxmu kemm f’Malta u kif ukoll barra minn pajjiżna.
Is-sena li għaddiet, il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Net News, Fabian Demicoli, kien intervista lill-Isqof Emmanuel Barbara fuq il-programm ‘Nafek Xi Mkien’, fejn kien stqarr li wara 26 sena jaħdem mal-foqra, il-Kenja saret parti minn ħajtu, dan minkejja li l-imħabba lejn art twelidu baqgħet ħajja. Kompla li hu għex nofs ħajtu f’Malta, u n-nofs l-ieħor fil-Kenja – hekk kif kien bilfors intrabat mal-pajjiż u anke man-nies tal-Kenja.
Iżda wara mewtu, l-Isqof Emmanuel Barbara kif se jibqa’ mfakkar? In-Nazzjon tkellem ma’ Fr Marcellino Micallef, Patri Franġiskan li għex u ħadem mal-Isqof Emmanuel Barbara f’Malta u anke fil-Kenja, fejn mar iżuru diversi drabi.
Hu stqarr li l-Isqof serva ta’ eżempju bħala missier għal eluf kbar ta’ tfal u nies fl-Afrika. Iżda mhux biss għax hu wkoll serva ta’ eżempju bħala missier ukoll għal numru ta’ saċerdoti li għallem tul is-snin hawn Malta.
Fisser il-mod kif sar jaf bl-aħbar tal-mewt tal-Isqof Emmanuel Barbara, hekk kif irċieva telefonata minn patri Afrikan viċin tal-Isqof, Fr Martin, li qallu li nstab mejjet ilbieraħ, il-Ġimgħa filgħodu, fis-sodda tiegħu tar-residenza tiegħu f’Malindi.
Fr Marcellino Micllef tenna li t-telfa tal-Isqof Barbara tfisser telfa għad-djoċesi fil-Kenja, hekk kif issa hemm vojt fl-amministrazzjoni li diffiċli jimtela’.
L-aħbar ħasdet lil ħafna, fosthom anke għaliex l-Isqof Barbara kien għadu attiv ferm u kien għadu jaħdem bla waqfien biex itejjeb il-ħajja tal-foqra waqt li joħlom b’diversi proġetti.
//= $special ?>