Kunsilli Lokali Lokali

Inawgurata l-binja l-ġdida tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta

Il-Partit Nazzjonalista mhuwiex kontra li dan is-sit jiġi użat mill-Kunsill Lokali tal-Belt, iżda dan ma jiskużax l-aġir tal-Prim Ministru

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta inawgura l-uffiċini l-ġodda fil-qalba tal-Belt, ftit jiem qabel ma’ din l-istess belt tieħu t-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura. Kif spjega s-Sindku Alexiei Dingli fid-diskors tal-ftuħ – din il-binja storika fi Pjazza Reġina, hi aktar aċċessibbli, aktar ċentrali, u aktar denju għall-belt kapitali Maltija.

Il-proġett tal-binja tal-Kunsill Lokali sewa madwar €330,000 – madanakollu, l-proġett tal-binja għadu mhux lest, hekk kif sal-aħħar tas-sena 2018 mistenni li jiżdiedu aktar servizzi: b’berġa tas-saħħa, librerija, day centre, u laboratorju mgħammar bil-kompjuters.

NET News attenda għall-inawgurazzjoni tal-uffiċini tal-Kunsill fil-post fejn kien il-Cafe Premier, fejn staqsejna lis-Sindku Alexiei Dingli dwar il-viżjoni għall-binja tal-Kunsill Lokali fil-qalba tal-Belt Valletta. Semma’ kif il-pjan hu li fil-jiem li ġejjin se tiġi organizzata Open Day biex ir-residenti Beltin u dawk in-nies kollha li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Kunsill Lokali jiġu jżuru u jsiru jafu aktar dwar is-servizzi li jiġu offruti. Stqarr li l-ħolma għall-binja għaddatta għall-Kunsill Lokali tal-belt kapitali ilha li bdiet 10 snin, meta kien il-Prim Ministru Lawrence Gonzi li żar il-binja l-antika u innota li jixraq binja aħjar għall-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.

Preżenti wkoll għall-okkażjoni, kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, fejn stqarr ma’ NET News kif minn kontroversja dwar il-mod kif inkisbet il-binja tal-Cafe Premier, illum sar pass fid-direzzjoni t-tajba għal mod kif intużat din il-binja biex igawdi minnu l-poplu Malti. Semma’ wkoll kif tul is-snin

Fl-aħħar tal-okkażjoni, l-Ministru għall-Gvernijiet Lokali Owen Bonnici ippreżenta ċ-ċavetta tal-Kunsill Lokali l-ġdid lis-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli wara li nkixfet il-plakka kommemmorattiva’ tal-okkażjoni.

Intant fi stqarrija marbuta ma’ din l-inawgurazzjoni, il-Partit Nazzjonalista stqarr li hu kien, għadu u se jibqa’ kontra l-bail out tal-Cafe Premier bi flus il-poplu u permezz ta’ email mill-indirizz privat ta’ Joseph Muscat. L-istqarrija tkompli li dak li kien ħażin qabel l-elezzjoni ma’ sarx tajjeb wara u ma jitħassar bl-ebda azzjoni oħra.

Imma issa li l-proprjetà ġiet f’idejn il-Gvern, il-Partit Nazzjonalista mhuwiex kontra li dan is-sit jiġi użat mill-Kunsill Lokali tal-Belt. Il-Beltin kif ukoll il-mijiet ta’ persuni oħra li jfittxu s-servizzi tal-Kunsill Lokali tal-Belt jixirqilhom post adekwat.

L-istqarrija t-temm tgħid li madankollu, dan ma jiskużax l-aġir tal-Prim Ministru li, b’ordni diretta u minn wara dahar kulħadd, għadda €4.2 miljun lill-proprjetarji tal-Café Premier fl-2013.

Is-Sindku Alexiei Dingli jagħmel id-diskors tal-inawgurazzjoni