Internazzjonali

L-Istati Uniti: Donald Trump jikkundanna ktieb ‘qarrieqi’ dwar l-amministrazzjoni

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump ikkundanna ktieb ġdid — bl-isem Fire and Fury – Inside the Trump White House — li jittratta l-amministrazzjoni f’Washington bħala ‘eżerċizzju bażat fuq il-gideb’. Dan meta l-ktieb partikulari jinkludi numru sostanzjali ta’ allegazzjonijiet li ma jurux lit-Tmexxija Amerikana f’dawl favorevoli.

Il-ktieb ta’ Michael Wolff, fost oħrajn, jikkwota lil Steve Bannon — ekskollaboratur kbir ta’ Donald Trump u li llum għandu relazzjonijiet ħżiena ħafna mal-President – qed jirreferi għal laqgħa ma’ grupp ta’ Russi li għaliha kien preżenti iben Trump bħala ‘ħaġa ta’ tradiment’.

Sadattant, il-ktieb isostni li Donald Trump spiċċa ‘sorpriż’ għall-fatt li hu kien spiċċa jirbaħ il-Presidenza tal-Istati Uniti.

Ma jistax jonqos li l-ktieb qed iqajjem interess kbir, bin-nies jiffullaw minn kmieni biex ikunu fost l-ewwel li jixtru kopja ta’ Fire and Fury.

Intant, hu minnu li l-avukati ta’ Trump kienu ppruvaw jimblukkaw il-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb kontroversjali.

Fost l-allegazzjonijiet tal-ktieb hemm li Melania, il-mara ta’ Trump, kienet imnikkta ħafna f’lejliet l-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru tal-2016  li ntrebħet minn Trump.

Ingħad ukoll li Donald Trump kien infurjat li numru kbir ta’ personalitajiet distinti u nies famużi injoraw l-inawgurazzjoni tiegħu bħala President.

Intant, hemm ukoll l-allegazzjoni li Ivanka Trump, it-tifla tal-President, kellha pjan ma’ żewġha, Jared Kushner, biex hi ssir ‘l-ewwel President mara tal-pajjiż’.

Il-ktieb jingħad li jibbaża fuq aktar minn 200 intervista b’xi siltiet tiegħu diġà jispiċċaw ikkritikati u analizzati.

Intant, xi analisti jaqblu li jekk imqar nofs tal-kontenut tal-ktieb hu verità, allura teżisti sitwazzjoni ta’ kaos fil-White House ta’ Washington, li kapaċi qed jixpruna President li hu inċert minnu nnifsu.

Il-President Trump qal li ma tax aċċess lil Michael Wolff għall-White House u lanqas ma kellmu rigward il-ktieb, li skont hu, ‘hu mimli bil-gideb, affarijiet irrappreżentati ħżiena u sorsi li ma jeżistux’.

Iżda r-reazzjonijiet minn Trump u l-uffiċjali tal-White House qed iżidu l-pubbliċità għall-ktieb ta’ Wolff li qed jingħata prominenza kbira f’kull programm tal-aħbarijiet u minn sorsi oħra tal-istampa.

Fil-fatt tkellem, ftit tal-ħin ilu, l-awtur Michael Wolff li ddefenda lir-rappurtaġġ tiegħu waqt li insista li ‘kulma kiteb fil-ktieb hu kollu minnu’. Fl-istess ħin, Wolff qal li l-istaff tal-White House ‘ifissru lill-President bħala ‘tifel’ għaliex (Trump) irid li l-affarijiet ikunu dejjem kif irid hu waqt li jitmexxew għall-interessi tiegħu biss’.

Michael Wolff kompla bl-attakk fejn qal li ‘il-President Amerikan mgħandux kredibbiltà’ u li n-nies ta’ madwar Trump ‘ jiddubitaw kemm  hu kapaċi biex imexxi lil pajjiżu.’