Raġel li kien qed jippoża ta’ parker f’parkeġġ fil-Belt Valletta illum weħel multa ta’ 500 ewro u kien ordnat ma jersaqx fiż-żona tal-parkeġġ għas-sitt xhur li ġejjin. Hu kien ordnat jagħmel dan f’sentenza mill-Maġistrat Joe Mifsud u kien imwissi wkoll li jekk jersaq lejn il-parkeġġ jista’ jeħel il-ħabs.
Dan l-individwu mhux liċenzjat imma ppoża ta’ parker u m’għandux it-tag ta’ Transport Malta, minkejja dan kien qed jjiffastidja lis-sewwieqa biex ituh il-flus. L-uffiċjali ta’ Transport Malta talbuh kemm-il darba biex jieqaf jagħmilha ta’ parker imma hu qatt ma ta widen. L-Awtorita’ fetħet żewġ kawżi kontrih imma dan injora l-ordnijiet tal-qorti u baqa’ jippersisti.
Transport Malta ġabret aktar evidenza u fetħitlu kawża oħra, li nqatgħet dalgħodu.
Il-Qorti bagħtet messaġġ qawwi fejn ikkonfermat il-ħidma tal-Awtorita’ u tal-Pulizija biex ma jkunx hemm abbużi f’parkeġġi pubbliċi, fejn xi individwi jagħżlu li jiffastidjaw lis-sewwieqa biex jiġbru l-flus.
L-Awtorita’ fi stqarrija qalet li ser tieħu azzjoni bil-Qorti kontra żewġ individwi oħra li wettqu offiżi simili f’parkeġġi pubbliċi oħra.
Is-sewwieqa jistgħu jipparkjaw f’parkeġġi pubbliċi bla ħlas, il-parkeġġi jintgħarfu mit-tabelli mwaħħla minn Transport Malta. Kull min jiltaqa’ ma’ xi abbuż għandu jirraporta fuq il-freephone 80072393.
//= $special ?>