Serena Williams mhux se tkun qed tikkompeti fl-Open tal-Awstralja ta’ din is-sena f’Melbourne wara deċiżjoni li ħadet. It-tennista ta’ 36 sena kienet qed tippjana li tipprova tiddefendi t-titlu li rebħet is-sena l-oħra, biex tirbaħ it-tournament għas-seba’ darba fil-karriera brillanti tagħha.
Iżda wara li welldet lit-tifla Alexis Olympia f’Settembru li għadda, it-23 darba rebbieħa ta’ Grand Slam ddeċidiet li mhux tajba biżżejjed biex tieħu parti fl-ewwel kompetizzjoni maġġuri li tibda fil-15 ta’ Jannar.
L-Amerikana wriet sinjali pożittivi fit-telfa f’partita ta’ ħbiberija kontra r-rebbieħa tal-Open ta’ Franza Jelena Ostapenko f’Abu Dhabi ġimgħa ilu.
Iżda dalgħodu hi qalet li “wara li kkompetejt f’Abu Dhabi rrealizzajt li minkejja li ninsab viċin, mhux qegħda personalment fejn irrid inkun. Il-kowċ u t-tim tiegħi dejjem qaluli biex nikkompeti f’tournaments li nkun preparata li nilgħab sal-aħħar.” Hi qalet li tista’ tikkompeti iżda hi trid li mhux biss tikkompeti imma tmur ħafna aħjar u biex tagħmel dan trid ftit aktar żmien.
Id-direttur tal-Open tal-Awstralja Craig Tiley faħħar lil Williams tal-isforzi li għamlet fl-aħħar xhur biex tipprovi tikkompeti fl-Open tal-Awstralja. Hu qal li għaliha qatt ma kien se jkun biżżejjed li tikkompeti, iżda trid tikkompeti biex tirbaħ. Tiley awgura lil Williams u qal li jittama li jaraha fl-Open tal-Awstralja tas-sena d-dieħla.
//= $special ?>