Lokali

Arrestat it-Taljan li kien imfittex dwar l-isparatura ta’ Diċembru li għadda

Il-Pulizija llum arrestat ir-raġel Taljan, Damiano Alfio Rannisi Torrisi, li kien imfittex b’konnessjoni mal-isparatura li seħħet fit-12 ta’ Diċembru li għadda fi Triq Burmarrad in-Naxxar.

It-Taljan ta’ 69 sena kien arrestat wara informazzjoni kunfidenzjali li rċeviet il-Pulizija, ir-raġel ġie arrestat fil-Mellieħa. Huwa qiegħed jinżamm għall-iktar stħarriġ.

Il-vittma fl-isparatura kien raġel minn Raħal Ġdid illi dakinhar kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei. Il-każ kien seħħ għall-ħabta tal-11.30pm.

Torrisi hu l-istess persuna li f’Mejju li għadda nstab ħati li, flimkien ma’ sieħbu, weġġgħu sid ta’ ħanut fir-Rabat fl-2015 waqt serqa. Dakinhar huma kienu serqu €2,000.

Is-sieħeb ta’ Torrisi, Alessandro Giuseppe Gandolfo, kien ingħata 6 snin u 8 xhur ħabs wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih fit-tieni seduta.

Il-Pulizija tixtieq tirringrazzja lill-pubbliku għal kull għajnuna.

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.