Lokali

Daphne Caruana Galizia onorata bil-Premju Giuseppe Fava għall-ħidma tagħha

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ilbieraħ filgħaxija ingħatat il-Premju Giuseppe Fava għall-2018 fi Sqallija. Stqarrija tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia tgħid li hi kienet l-ewwel mara u l-ewwel persuni mhux Taljana li ngħatat il-premju.

Id-dedika tal-premju taqra “għall-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia, li l-mewta kiefra u vjolenti tagħha bi stil mafjuż kienet l-aħħar kontribuzzjoni ta’ ħajja iddedikata għat-tfittxija tal-verita’, b’impenn, sagrifiċju, dinjita’ u koerenza. Minn pajjiż żgħir, Daphne wriet id-dinja kif kull ġurnalist li kapaċi jfittex u jxandar il-verita’ hu indispensabbli għall-iżvilupp demokratiku u ċivili u intollerabbli għall-korruzzjoni u d-dittatura.”

Il-Premju jingħata kull sena minn fondazzjoni li tfakkar lil Giuseppe Fava – kittieb, ġurnalist, drammaturgu attivist kontra l-Mafja. Fl-1983, Fava kien waqqaf ir-rivista ‘I Siciliani’ li kienet tattakka r-rabtiet bejn il-Mafja, il-politika u l-kummerċ f’Katanja.

Fil-5 ta’ Jannar 1984, waqt li kien qed jistenna lin-neputija fil-karozza, Giuseppe Fava intlaqat u nqatel minn tiri b’arma tan-nar f’attentat ordnat mill-Mafja. Matul is-serata tal-premjazzjoni, ibnu Claudio Fava qal li l-ewwel qatlu lil missieru u mbagħad għal diversi snin, ipprovaw joqtlu l-memorja tiegħu b’gideb u kalunji.

Eventwalment, il-qattiela ta’ Fava, kif ukoll minn bagħathom u l-intermedjarji kollha, inqabdu u ngħataw sentenzi ta’ priġunerija.