Lokali

Ħsara fi stabbiliment fil-Marsa wara t-tieni argument f’inqas minn ġimgħa

Argument li seħħ fil-pjazza tal-Marsa, quddiem il-Knisja u ħamsin metru biss bogħod mill-għassa, fortunatament ma wassalx għal konsegwenzi iktar gravi.

Jirriżulta li l-argument beda għall-ħabta tat-tmienja tal-Ġimgħa filgħaxija fi stabbiliment tax-xorb bejn grupp ta’ barranin li eskala tant li wassal biex bdew jitwaddbu xi oġġetti, inkluż banketti, bil-konsegwenza li tkisser ukoll il-ħġieġ tal-bieb ta’ barra.

Fuq il-post issejħu l-Pulizija kif ukoll u fortunatament ma kienx hemm bżonn assistenza medika hekk kif jirriżulta li ma kienx hemm persuni feruti.

Sadattant fuq Facebook Claudio Grech, membru parlamentari elett fuq l-ewwel distrett, li hu wkoll id-distrett tal-Marsa, mill-ġdid appella għas-sigurtà.

“Ir-residenti f’dal-lokal m’humiex jitolbu xi somom ta’ flus iżda li jgħixu ħajja normali u li ma’ jarawx il-valur ta’ darhom jisfuma fix-xejn,” appella Claudio Grech.

Dan kien it-tieni argument fl-istess żona fi ftit jiem. Ġimgħa biss ilu, fuq l-għatba tal-bandli tal-lokalità, argument bejn Somalu u Taljan wassal biex dan tal-aħħar kellu jingħata l-kura u s-Somalu ta’ 22 sena ġie arrestat.