Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ joġġezzjona għal diskussjoni fil-Kumitat tas-Saħħa dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet

Jibdew jinbidlu l-ħinijiet tal-parlament…is-seduta tal-Erbgħa se tibda iktar kmieni

Il-Gvern baqa’ joġġezzjona li l-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa jiddiskuti l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet għaliex irid li d-diskussjoni issir biss fil-parlament, fejn ma jkunx hemm il-possibbiltà li jittellgħu xhieda. Wara diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari għax-Xogħol tal-Kamra, li ltaqa’ dalgħodu, kien hemm qbil li d-diskussjoni fil-Kumitat dwar is-Saħħa issir biss jekk il-membri tal-istess kumitat jaqblu.

Fil-bidu tal-laqgħa tal-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra l-Viċi-Prim Ministru Chris Fearne tkellem dwar il-possibbiltà ta’ tibdil tal-ħinjiet li fihom jiltaqa’ l-parlament u qal li hemm qbil li mill-15 ta’ Jannar 2018 is-seduta tal-Erbgħa tibda mill-4 pm sas-7.30 pm, waqt li s-seduti tat-Tnejn u t-Tlieta jibqgħu l-istess bejn is-6 pm u d-9.30 pm. Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius ikkonferma dan il-qbil.

Il-Viċi-Prim Ministru Chris Farne tkellem dwar il-programm tax-xogħol tal-parlament u qal li fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat dwar il-Verifika kien hemm qbil li f’Jannar 2018 ikun hemm proposta għal diskussjoni fil-parlament dwar id-djar soċjali. Il-parlment se jiddiskuti wkoll l-abbozz dwar il-miżuri tal-estimi.

Il-Gvern innota wkoll it-talba tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri għal diskussjoni dwar l-iżvilupp fil-privatizzazzjoni dwar l-ispatrijiet. Hu qal li dan hu żvilupp importanti fis-settur tas-saħħa f’Malta u għalhekk id-diskussjoni għandha issir fil-parlment u mhux fil-Kumitat dwar is-Saħħa. Il-Gvern qed jipproponi li id-diskussjoni issir bla vot fis-17 ta’ Jannar 2018.

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius qal li l-Oppożizzjoni taqbel li ssir diskussjoni fil-plenarja, iżda tippreferi li jkun hemm diskussjoni wkoll fil-Kumitat dwar is-Saħħa qabel id-diskussjoni fil-plenarja. Hu qal li l-Kumitat fil-Kmitat dwar is-Saħħa għandu jiddiskuti dan is-suġġett u għandu jtella’ x-xhieda li jħoss meħtieġ.

Il-Viċi-Prim Ministru Chris Fearne qal li l-gvern ma jqbilx ma’ dan u jrid li din issir fil-parlament biex kulħadd jitkellem.

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius qal li kull membru jista’ jitkellem anki fil-kumitati tal-parlament u sostna li l-kumitati għandhom saħħa daqs il-plenarja. Hu staqsa jekk il-gvern għandux il-poter li jwaqqaf din id-diskussjoni mill-kumitat parlamentari.

Id-deputat Laburista Edwrad Zammit Lewis qal li l-preċedenza dejjem joħodha l-parlament u għalhekk ma jgħmilx sens li jingħad li d-dibattitu qed jiċċaħħad minn quddiem il-Kumitat dwar is-Saħħa.

Il-Whip tal-Opożizzjoni Robert Cutajar qal li l-Gvern irid ikun ċar jekk is-suġġett ikunx diskuss fil-Kumitat Parlamentari u jekk allura l-Kumitat ikunx eskluż minn din id-diskussjoni.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li hemm diveri rulings li juru li l-kumitati jiltaqgħu jekk ikun hemm qbil bejn il-membri. Is-Sedja ma tistax timponi lill-Kumitat biex jiltaqa’. Irid ikun il-Kumitat li jiddeċiedi jekk is-suġġett ikunx diskuss. L-aġenda tkun proposta mill-gvern, sostna l-Ispeaker.

Il-Viċi-Prim Minsitru Chris Fearne qal liċ-Chairman tal-Kumitat dwar is-Saħħa jista’ jdideċiedi li jiddiskuti dan is-suġġett.

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius qal li dan ifisser li hemm qbil li d-dibattitu fil-Kumitat Parlamentari jista’ jsir u li d-diskussjoni fil-plenarja mhix teskludi d-diskussjoni fil-Kumitat dwar is-Saħħa. Hu staqsa jekk il-Gvern għandux intenzjoni li jiddiskuti l-mozzjoni dwar l-art taż-Żonqor.

Il-Viċi-Prim Ministru Chris Fearne qal li l-Oppiżizzjoni tista’ tuża l-Ħamis għal din il-mozzjoni jew mozzjonijiet oħra tagħha.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia tkellem dwar l-introduzzjoni tal-app PQ VITS li fiha hemm il-mistoqsijiet parlamentari kollha li saru u t-tweġibiet li ngħataw fl-aħħar disa’ leġiżlaturi. L-informazzjoni tinkludi wkoll liema deputati staqsew, x’tip ta’ mistoqsijiet staqsew u kif u min ta t-tweġibijiet parlamentari.

Gvern li għandu x’jaħbi u li jrid jevita diskussjonijiet trasparenti – PN; David Agius u Robert Cutajar

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata minn David Agius u Robert Cutajar qal li jinnotta b’dispjaċir li s-suppost transparenza ta’ dan il-Gvern hi biss kelma li jħobb juża mingħajr ma jattwa. Dalgħodu il-Gvern ta’ Joseph Muscat ma tax konferma li lest li issir diskussjoni mill-aktar miftuħa fil-Kumitat Permanenti għas-Saħħa dwar il-kuntratt u l-konċessjoni dubjuża li l-Gvern ta lill-kumpanija VGH għall-privatizazzjoni ta’ tliet sptarijiet.

Il-Gvern jidher li ma jridx li d-diskussjoni issir f’dan il-Kumitat għax ma jridx li jipparteċipaw l-istakeholders kollha fejn ikunu jistgħu jsiru il-mistoqsijiet relevanti u jingħataw t-tweġibiet dak l-ħin stess kif isir f’kull Kumitat Parlamentari.

L-Oppożizzjoni mhix kontra li jsir dibattitu wkoll fil-Plenarja. Dan ifisser li filwaqt li fid-diskussjoni fil-plenarja jitkellmu biss id-deputati mingħajr l-involviment tal-istakeholders ewlenin, fil-Kumitat ikun jista’ jiġi mistieden u jitkellem kulmin hu nvolut flimkien mad-deputati kollha taż-żewġ naħat tal-Kamra.

Hi għalhekk l-insistenza tal-Gvern li jrid li d-diskussjoni issir biss fil-Plenarja u imkien aktar.

Dan il-fatt juri biss li l-Gvern għandu x’jaħbi dwar dan l-kuntratt dubjuż li jinkludi fost l-oħrajn il-bejgħ tal-apparat kollu tat-tliet sptarijiet għal Ewro wieħed biss.

Il-Partit Nazzjonalista jinnotta wkoll li l-Gvern qed itawwal biex jiddiskuti l-mozzjoni mressqa mil-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex l-poplu Malti u Għawdxi jieħdu lura l-art ODż fiż-Żonqor.

Waqt il-laqgħa tal-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra dalgħodu ħareġ ċar li l-Gvern għandu x’jaħbi f’dawn il-kwistjonijiet.