Tħabbret il-mewt ta’ Alfred Zarb li kien fost l-ewwel ambaxxaturi minn meta Malta kisbet l-Indipendenza fl-1964.
Stqarrija tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tgħid li wara l-kisba tal-Indipendenza, l-Ambaxxatur Zarb kien stazzjonat fi New York fit-tim ta’ Arvid Pardo u għen biex titwaqqaf ir-rappreżentanza permanenti ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll l-ambaxxata Maltija f’Washington.
Hu serva fid-Delegazzjoni Permanenti Maltija f’Ġinevra bejn l-1970 u l-1975 u bħala Charge’ d’Affaires fl-1977.
Hu serva wkoll bħala ambaxxatur għall-Alġerija u l-Marokk bejn l-1981 u l-1999, għat-Tuneżija bejn l-1981 u l-1995 u r-rappreżentant ta’ Malta fil-Lega Għarbija bejn l-1981 u l-1986.
Fil-preżent, Alfred Zarb kien qed iservi bħala ambaxxatur mhux residenti għas-Slovenja u l-Kroazja u bħala konsulent għall-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jagħti l-kondoljanzi lill-familja tal-Ambaxxatur Zarb. Hu miet fl-għomor ta’ 80 sena.
Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja tal-ambaxxatur Alfred Zarb
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-sogħba tiegħu għall-mewt tal-ambaxxtur Alfred Zarb.
Il-Partit Nazzjonalista jwassal l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-familja tal-ambaxxatur Zarb li serva lill-pajjiżu għal tant snin u b’tant dedikazzjoni.
//= $special ?>