Fl-Istati Uniti ħareġ għall-bejgħ Fire and Fury – Inside the Trump White House – li jwaddab f’dawl ikraħ ħafna l-President Donald Trump.
Trump ikkundanna ktieb bħala ‘eżerċizzju bażat fuq il-gideb’.
Il-ktieb ta’ Michael Wolff, fost oħrajn, jikkwota lil Steve Bannon — ekskollaboratur kbir ta’ Donald Trump u li llum għandu relazzjonijiet ħżiena ħafna mal-President – qed jirreferi għal laqgħa ma’ grupp ta’ Russi li għaliha kien preżenti iben Trump bħala ‘ħaġa ta’ tradiment’.
Sadattant, il-ktieb isostni li Donald Trump spiċċa ‘sorpriż’ għall-fatt li hu kien spiċċa jirbaħ il-Presidenza tal-Istati Uniti.
L-avukati ta’ Trump kienu ppruvaw jimblukkaw il-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb kontroversjali.
Fost l-allegazzjonijiet tal-ktieb hemm li Melania, il-mara ta’ Trump, kienet imnikkta ħafna f’lejliet l-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru tal-2016 li ntrebħet minn Trump.
Ingħad ukoll li Donald Trump kien infurjat li numru kbir ta’ personalitajiet distinti u nies famużi injoraw l-inawgurazzjoni tiegħu bħala President.
Intant, hemm ukoll l-allegazzjoni li Ivanka Trump, it-tifla tal-President, kellha pjan ma’ żewġha, Jared Kushner, biex hi ssir ‘l-ewwel President mara tal-pajjiż’.
Il-ktieb jingħad li jibbaża fuq aktar minn 200 intervista b’xi siltiet tiegħu diġà jispiċċaw ikkritikati u analizzati.
Il-President Trump qal li ma tax aċċess lil Michael Wolff għall-White House u lanqas ma kellmu rigward il-ktieb, li skont hu, ‘hu mimli bil-gideb, affarijiet irrappreżentati ħżiena u sorsi li ma jeżistux’.
Is-Segretarju Stampa tal-White House, Sarah Sanders, qalet li l-ktieb ta’ Wolff jibbaża fuq l-affarijiet fittizji ‘u fuq ir-rakkonti foloz u qarrieqa’.
Joħroġ għall-bejgħ ktieb kontroversjali dwar Trump


