Stewart Said
LIJA A……………..1
MOSTA……………5
Azzjoni kontroversjali madwar kwarta mit-tmiem kienet fatali għal Lija Athletic biex spiċċaw megħluba minn Mosta 5-1. Minkejja l-iskor finali, wieħed ma jridx inaqqas il-mertu ta’ Mosta li kellhom partita tajba.
Debutt feliċi għal Alex Wendel dos Santos awtur ta’ tripletta u xi azzjonijiet tajbin, kif ukoll għal Jan Tanti li daħal bħala sostitut u kien strumentali fir-rebħa Mostija. Għal Lija għamel id-debutt Kei Hirose li wkoll kellu partita tajba.
Lija ħolqu l-ewwel azzjoni denja fis-seba’ minuta, b’Patrick Borg jikkonkludi barra bir-ras wara free-kick ta’ Erjon Beu. Lija komplew fuq l-offensiva u fl-14-il minuta reġa’ kien id-difensur Patrick Borg li xeħet barra mill-viċin wara azzjoni ta’ korner.
Ċans tajjeb għal Lija żewġ minuti wara meta Raphael Kooh Sohna għeleb in-nasba tal-offside avvanza, daħal fil-kaxxa iżda x-xutt fil-baxx tiegħu għadda ftit barra.
Wara l-bidu tajjeb ta’ Lija, Mosta bdew jistejqru ftit u fil-25 minuta setgħu faċilment marru minn fuq. Kienet indeċiżjoni ta’ Bonnici u d-difiża, b’Ferreira jqassam lejn Wendel dos Santos li kellu quddiemu żewġ difensuri, iżda x-xutt fil-baxx tiegħu destinat fix-xibka kien imdawwar minn saqajn Patrick Borg.
Il-Mostin fetħu l-iskor fis-36 minuta bi free-kick tajjeb min-naħa xellugija ta’ Axel Wendel DOS SANTOS li ma tax ċans lil Luke Bonnici.
Iżda r-reazzjoni ta’ Lija kienet tajba għaliex fl-44 minuta ġabu d-draw. Kien throw-in mix-xellug ta’ Predrag Babic fil-kaxxa li sab lil Raphael KOOH SOHNA li b’xutt mill-ewwel skorja fuq in-naħa leminija ta’ Vella.
Iż-żewġ timijiet kellhom okkażjoni kbira fl-54 minuta. L-ewwel kienu Lija permezz ta’ Erjon Beu li seraq ballun ħa vantaġġ minn indeċiżjoni ta’ Tyrone Farrugia iżda x-xutt fil-baxx kien salvat minn Vella, biex f’kontrattakk, Dexter Xuereb ħarab tajjeb, daħal fil-kaxxa iżda x-xutt mill-viċin għadda barra.
Mosta reġgħu marru minn fuq fit-63 minuta. Kien kross fuq it-tieni lasta tas-sostitut debuttant Jan Tanti lejn Leandro FERREIRA li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Bonnici.
L-aktar deċiżjoni kontroversjali spiċċat biex ħalliet effett fuq l-andament tal-partita. Kien fis-77 minuta meta kien indirizzat ballun lejn attakkant ta’ Mosta, il-plejer ġera għall-ballun iżda ma missux, b’Wendel dos Santos javvanza, jidħol fil-kaxxa fejn twaqqa’ minn Sidibe. Ir-referee ordna penalty u keċċa lid-difensur. Mill-11-il metru Alex Wendel DOS SANTOS ma żbaljax.
Żewġ minuti wara, Mosta ngħataw penalty ieħor b’ħarba tajba ta’ Jan Tanti li twaqqa’ fil-kaxxa minn Predrag Babic bir-referee Mangion jordna t-tieni penalty. Alex Wendel DOS SANTOS għaqqad it-tripletta b’penalty simili bħal ta’ qablu.
Lija krollaw u ma kinitx sorpriża li Mosta skorjaw il-ħames gowl fit-82 minuta b’kontrattakk li fih dos Santos qassam lejn Leandro FERREIRA li skorja b’xutt fil-baxx.
Erjon Beu prova jiskorja gowl ta’ konsolazzjoni għal Lija fl-84 minuta, iżda l-free-kick tiegħu kien imdawwar f’korner minn Vella.
//= $special ?>