Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER – Balzan jiftħu l-2018 b’rebħa komda

Keane Cutajar

BALZAN……………….3
ST. ANDREWS……..1

Il-leaders tal-kampjonat irritornaw għar-rebħ fl-ewwel logħba tagħhom għall-2018 hekk kif pattewa lil St. Andrews li lura f’Awwissu kienu rebħulhom 3-2 fl-ewwel rawnd u din id-darba rebħulhom 3-1.

Balzan fetħu fuq l-offensiva u kkontrollaw l-affarijiet iżda naqsu li jkunu perikolużi fl-aħħar fażi tal-attakk, bid-difiża tal-vjola u Matthew Calleja Cremona jinnewtralizzaw l-attakki kollha fl-ewwel 40 minuta.

Kien penalty fallut ta’ St. Andrews u ieħor skurjat ta’ Balzan li witta t-triq għar-rebħa tat-tim ta’ Marko Micovic biex komplew isaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-quċċata tal-kampjonat.

St. Andrews kellhom ċans jiftħu l-iskor wara ħdax-il minuta. Kemar Reid kien imwaqqa fil-kaxxa u Trustin Farrugia Cann saffar għal penalty. Mill-ħdax-il metru Joseph Farrugia seta’ għamel aħjar iżda Sean Mintoff salva tajjeb.

Fid-19-il minuta, Jacob Walker għamel spazzju għalih innfsu qabel ittanta xortih. Mintoff reġa salva.
Wara nofs siegħa logħob, Uros Ljubomirac daħal tajjeb mil-lemin iżda sab lil Matthew Calleja Cremona li ħareġ minn postu jimblokka qabel seta’ jinħoloq ebda’ periklu.

Sitt minuti wara St. Andrews ħelsuha ħafif. Kien Ljubirac li reġa daħal tajjeb. Calleja Cremona reġa’ kien attent iżda l-ballun ġie għand Alex Da Paixao Alves li sab it-tentattiv tiegħu mtajjar min fuq l-linja minn Liam Grech.

Mat-tokki ta’ tmiem l-ewwel taqsima Balzan marru minn fuq. Da Paixao Alves kien imwaqqa fil-kaxxa minn Tristan Grant. Farrugia Cann saffar għat-tieni penalty tal-partita iżda din d-darba kien konvertit, Bojan KALJEVIC ma żbaljax.

Fid-49 minuta Balzan irduppjaw. Kaljevic kien żvinturat li ma rdopjax personalment iżda l-ballun ġie għand is-sostitut Alfred EFFIONG li minn qagħda tajba tefa fix-xibka.
Tmien minuti wara, Alves ittanta xortih minn barra l-kaxxa iżda Calleja Cremona bi bravura dawwar f’korner.

Balzan issiġillaw ir-rebħa hekk kif kien fadal kwarta logħob. Alves daħal tajjeb mil-lemin u għadda lejn KALJEVIC li bir-ras tefa’ ġewwa.

Għalkemm Balzan żammew il-pusses b’kumdita’ fl-aħħar mumenti tal-partita, St. Andrews skurjaw gowl ta’ konslazzjoni permezz ta’ Misael MIRANDA GOMEZ fl-aħħar sekondi b’ġmiel ta’ gowl li spara fir-rokna tax-xibka.