Keane Cutajar
B’KARA………………………4
GŻIRA……………………….0
Birkirkara fetħu l-impenji tagħhom għall-2018 bi prestazzjoni tajba li fiha għelbu lil Gżira 4-0.
Dominanza li sarfet f’gowls u sinjal ta’ affarijiet aħjar għall-Istripes għall-aħħar parti tal-istaġun. B’attakk wara l-ieħor, it-tim ta’ Paul Zammit, li wkoll kellu xi uċuħ ġodda, meritatement ħareġ bi tliet punti minn din il-partita.
Fuq in-naħa l-oħra Gżira deheru tim differenti minn dak tal-2017 u rari kienu perikolużi matul l-partita. It-tim ta’ Darren Abdila ma weriex ideat u spiċċa jiddefendi għal ħafna ħin.
Wara biss ħames minuti, Birkirkara marru minn fuq. Ryan Scicluna tefa’ ballun perfett lejn Luke MONTEBELLO li żamm tajjeb u bil-kalma kollha tefa’ fir-rokna.
L-istripes għal ftit ma għamluhomx tnejn żewġ minuti wara. Kien xogħol tajjeb mil-lemin ta’ Da Silva li minnu Gżira ħelsuha ħafif u dawru f’korner.
Moises Avilla Perez resaq viċin wara kwarta logħob b’xutt angolat mil-lemin wara li d-debuttant gowlkiper ta’ Birkirkara inqgħabad barra minn postu.
Minuta wara, Haber salva tajjeb fil-baxx hekk kif Birkirkara ħarġu b’kontra attakk veloċi.
Ndubisi Okoye ittanta xortih minn barra l-kaxxa ftit wara. L-ballun għadda kemm kemm barra minn fuq il-mimduda.
Wara nofs siegħa logħob, Jake Grech għamel spazzju għalih innifsu u daħal tajjeb fil-kaxxa iżda t-tentattiv tiegħu kien imblukkat tajjeb minn Haber.
Ħames minuti wara, Montebello għal ftit m’għamilhomx tnejn personali. Ix-xutt tiegħu minn barra l-kaxxa għadda ċentimetri barra.
Haber ċaħħad lil Montebello b’save tajjeb fil-baxx ftit minuti wara hekk kif Birkirkara komplew jgħafsu.
L-attakki kontinwi ma damux ma sarfu f’gowl. Birkirkara meritatement marru tnejn minn fuq. Kien Grech li krossja fil-kaxxa fejn kien hemm MONTEBELLO lest biex tefa’ fix-xibka.
Minuta minn tmiem l-ewwel taqsima, Gżira għal ftit ma naqsux id-distakk. Id-difiża karkariża qalgħat minn fuq il-linja wara diversi tentattivi. Mir-rebawnd, il-ballun spara għoli.
Birkirkara komplew ikunu perikolużi. Wara ħarba ta’ Grech il-ballun ġie għand Carlos Alberto Da Silva li ra ix-xutt tiegħu mblukkat mill-gowlkiper ta’ Gżira.
Birkirkara komplew fejn ħallew u fetħu t-tieni taqsima fuq l-attakk. Srdjan Dimitrov għeleb in-nasba tal-offside u avvanza qabel ittanta xortih. Haber kien attent u reġa salva.
Montebello ġie b’ċans tajjeb għat-tripletta personali wara pass perfett ta’ Grech fit-62 minuta. In-numru 27 ta’ Birkirkara għażel li ma jmurx għall-glorja personali u qassam lil Dimitrov li għamel l-impossibli u spara għoli.
Żewġ minuti wara it-tim ta’ Paul Zammit għamilhom tlieta. Jake GRECH meritatament niżżel ismu fost l-iskorers b’xutt fil-baxx.
GRECH għamilhom tnejn għalih u erba’ għal Birkirkara ftit wara. Ix-xutt tiegħu iddevja qabel daħal fix-xibka.
//= $special ?>