Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER – Valletta jegħlbu ostaklu diffiċli

Stewart Said

SENGLEA A…………0
VALLETTA………….1

Valletta bdew is-sena 2018 fuq nota pożittiva meta għelbu l-isfida ta’ Senglea Athletic 1-0. Ir-rebħa kienet diffiċli għall-Beltin li kellhom iħabtu wiċċhom ma’ avversarji kompatti li ftit ħallewhom jilagħbu l-logħba tagħhom.

Il-kowċ Danilo Doncic fid-debutt tiegħu ma’ Valletta kellu jagħmel ħames bidliet mir-rebħa kontra Mosta. Henry Bonello rritorna fil-lasta flok Nicky Vella. Juan Cruz Gill u Santiago Malano bdew f’nofs il-grawnd flok Rowen Muscat u Claudio Pani li ma kinux fl-iskwadra. Michael Mifsud u Albert Prosa bdew flok Ibrahim Saleh u Matteo Piciollo.

Fuq in-naħa l-oħra żewġ bidliet għall-kowċ Paoloa Favaretto. Steve Bonnici beda flok Randall Vella fid-difiża filwaqt li Rene Caseres beda fl-attakk flok Nicola Palmieri.

Il-logħba fl-ewwel taqsima kienet pjuttost magħluqa, b’Senglea jirnexxielhom irażżnu lil Valletta b’dixxiplina tattika tajba, filwaqt li bdew joħolqu ftit perikli permezz tal-plejers offensivi tagħhom. Valletta ħolqu l-ewwel periklu fis-26 minuta meta minn kross mix-xellug ta’ Umeh, prova mill-ewwel Albert Prosa iżda l-konklużjoni tiegħu kienet ċentrali u Matthew Farrugia salva mingħajr problemi.

Senglea appellaw għal penalty fid-29 minuta għal fawl fil-kaxxa ta’ Joseph Zerafa fuq Terence Vella, iżda r-referee Fyodor Zammit ħalla l-logħob għaddej. Seba’ minuti wara, Denni Rocha dos Santos prova b’xutt minn barra l-kaxxa, iżda Farrugia salva mingħajr problemi.

Erbgħin minuta u Valletta reġgħu qrib fl-40 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Malano li għaddiet ftit barra wara korner ta’ Denni Rocha dos Santos. Tliet minuti wara, Terence Vella prova jissorprendi minn free-kick angolat, iżda Henry Bonello kien attent u salva.

It-taqsima ntemmet b’argumenti bejn it-Team Manager ta’ Valletta u l-kowċ tal-gowlkipers ta’ Senglea George Attard, bir-referee Fyodor Zammit ikeċċi lit-tnejn li huma.

It-tieni taqsima żammet l-istess livell ta’ antagoniżmu kemm mill-plejers kif ukoll mill-partitarji. Senglea kellhom okkażjoni tajba li jmorru minn fuq fis-56 minuta b’ħarba tajba ta’ Rene Caseres, iżda x-xutt finali għadda ftit barra.

Valletta ngħataw penalty żewġ minuti wara meta minn kross mix-xellug ta’ Zerafa, ir-referee ġġudika li l-ballun ħabat ma’ id Jonathan Bondin. Mill-11-il metru Denni Rocha dos Santos għeleb lil Farrugia b’xutt b’saħħtu fin-nofs.

Il-partita kienet aktar missielta milli milgħuba, b’Valletta jibqgħu ftit aħjar mill-avversarji. Fis-77 minuta, xutt ta’ Michael Mifsud kien imxellef f’korner, u mill-korner sussegwenti d-daqqa ta’ ras tas-sostitut Kyrian Nwoko ntemmet għoli.

Senglea kellhom ukoll okkażjoni fl-84 minuta b’xutt ta’ Matias Garzia jgħaddi ftit barra.