Lokali

L-istaġun tal-infuwenza ipoġġi iktar pressjoni fuq sitwazzjoni ta’ tħassib matul is-sena – MUMN

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji
"Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kura ġenerali, skont standards internazzjonali, għandu jkun hemm infermier ma’ kull erba’ pazjenti. Iżda fir-realta’ qed ikun infermier ma’ kull seba’ jew saħansitra tmien pazjenti, jiġifieri id-doppju tar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali." - Colin Galea, Segretarju Ġenerali tal-MUMN

L-influss qawwi ta’ pazjenti fl-Isptar Mater Dei minħabba l-istaġun tal-influwenza ikompli jpoġġi iżjed pressjoni fuq l-infermieri, li minnhom diġa’ m’hemmx biżżejjed fis-swali matul is-sena.

Sostna dan Colin Galea, is-Segretarju Ġenerali tal-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel, l-MUMN f’intervent waqt il-programm Net Live li xxandar fuq Net Television.

Hu qal li għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kura ġenerali, skont standards internazzjonali, għandu jkun hemm infermier ma’ kull erba’ pazjenti. Iżda fir-realta’ qed ikun infermier ma’ kull seba’ jew saħansitra tmien pazjenti, jiġifieri id-doppju tar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali.

Colin Galea kompla li jkun għalxejn li jsiru iktar inizjattivi u strutturi bħal djar tal-anzjani fil-komunita’ jekk mhux se tiġi indirizzata il-problema tan-nuqqas ta’ infermieri. Hu qal li hemm bżonn li jkun hemm ftehim settorjali għall-infermiera mill-iktar fis possibbli, l-ewwelnett sabiex ma jintilfux l-infermiera eżistenti li jfittxu opportunitajiet barra mill-pajjiż jew jibdew karriera oħra u t-tieni, sabiex ikunu attirati iktar żagħżagħ lejn il-professjoni tan-nursing.

Ikkummenta