Internazzjonali

Sigurta kbira għall-Milied tal-Kopti fl-Eġittu

Il-Pulizija fl-Eġittu żiedet is-sigurtà madwar il-knejjes fil-pajjiż meta l-Kristjani Kopti qegħdin iħejju biex, nhar il-Ħadd, jiċċelebraw il-Milied Ortodoss wara sena ta’ attakki qattiela mill-militanti ġiħadisti fuq l-elementi tal-istess komunità antika.
‘Il fuq minn 100 Kristjani nqatlu f’sensiela ta’ vjolenza fejn ftit tal-jiem ilu spikkat sparatura fuq knisja lejn in-nofsinar tal-Kajr u li qed ikunu akkużati dwarha l-militanti tal-ISIS.
Mindu l-militar keċċa lill-President Iżlamiku Eġizzjan, Mohamed Morsi, fl-2013, il-qawwiet tas-sigurtà fl-Eġittu pruvaw irażżnu l-attakki li tmexxew mill-fergħa Eġizzjana tal-ISIS fl-Eġittu u li kienu mirati dejjem aktar għall-Kristjani.
L-Isqof tal-Kopti Makarios, tal-provinċja ta’ Minya, qal li l-komunità tiegħu, din is-sena, mhix se tieqaf mill-appoġġ għall-Istat u l-President tal-Eġittu. Dan filwaqt li wiegħed li l-komunità se tkompli taqdi r-rwol tagħha fuq livell nazzjonali.
Intant, l-isqof u kelliema oħra għall-Kristjani Kopti esprimew tama li l-uffiċjali tal-Eġittu jsibu mezz biex inaqqsu l-attakki fuq il-komunità tagħhom.
Il-Kopti, li jagħmlu tajjeb għal għaxra fil-mija tat-93 miljun Eġizzjani, ilhom jilmentaw dwar diskriminazzjoni u talli qed ikunu suġġetti għall-attakki minn gruppi oħrajn.
Sadanittant, hemm possibbiltà li l-President tal-Eġittu, Abdel Fattah al-Sisi, fi tmiem il-ġimgħa, jattendi quddiesa tal-Milied għall-Kristjani Kopti bħalma kien għamel is-sena l-oħra.
Dan meta l-President qed jaħdem għal avviċinament mal-Kristjani Kopti, fejn attenda diversi ċerimonji reliġjużi tal-komunità minbarra li sejjaħ għar-riforma tad-diskors reliġjuż għall-Iżlamiċi biex jonqos l-element tal-estremiżmu.