Lokali

Tliet Pulizija jinqabdu bi droga kokaina

Wieħed mill-kuntistabbli għadu kemm daħal fil-Korp f'Diċembru li għadda

Tliet kuntistabbli tal-Pulizija, wieħed minnhom ilu biss ftit jiem fil-Korp, kienu sospiżi u mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin wara li nqabdu bi droga kokaina fil-pussess tagħhom waqt raid f’Paceville ftit jiem qabel il-Milied. Il-ġurnal Times of Malta jirrapporta li l-Ministru tal-Intern Michael Farrugia ikkonferma l-aħbar u qal li stejjer bħal dawn inikktuh.

Il-ġurnal żvela li żewġ kuntistabbli huma stazzjonati mar-Rapid Intervention Unit. Wieħed minnhom ilu fil-Korp sentejn u l-ieħor ftit iktar minn sena. It-tielet kuntistabbli hu wieħed mis-97 li bdew is-servizz fil-Korp tal-Pulizija ix-xahar li għadda, ġimgħa biss qabel ir-raid f’Paceville.

Sorsi qalu li dawn il-każi juru kontrolli laxki għall-aħħar biex ħadd ma nduna li għandhom problema tad-droga, speċjalment fil-każ tal-kuntistabbli l-ġdid.

Il-Ministru Farrugia qal li jsiru testijiet regolari fuq l-uffiċjali tal-Pulizija iżda s-sorsi li tkellmu mal-ġurnal sostnew li qatt ma ntalbu jagħmlu testijiet.

Sadanittant, fuq Twitter, b’reazzjoni għall-din l-aħbar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kiteb li “m’aħniex qed ngħixu f’pajjiż normali.”

Tkompli d-deġenerazzjoni tal-Korp tal-Pulizija – stqarrija tal-Partit Nazzjonalista

U fi stqarrija, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Beppe Fenech Adami qal li f’din l-ewwel ġimgħa tas-sena, il-Korp tal-Pulizija diġa’ ntlaqat minn tliet skandli. L-ewwel skandlu huwa dak ta’ l-eks Assistent Kummissarju Mario Tonna li kellu jirriżenja wara l-aħbar żvelata mill-ġurnal in-Nazzjon li kien sar rapport mis-sieħba tiegħu dwar att ta’ vjolenza domestika. It tieni skandlu kien Il-ġustifikazzjoni tal-Ministru Michael Farrugia li ddefenda l-għaġir ta’ l-eks Assistant Kummissarju Mario Tonna  meta skuża il-vjolenza domestika u rabatha mal-ħin twil fuq il post tax-xogħol. U illum tfaċċa t-tielet skandlu bl-aħbar li tliet uffiċjali tal-pulizija nqabdu mid-droga.

L-istqarrija tkompli li dan huwa l-istat disastruż li l-korp li suppost jiddefendi liċ-ċittadini jinsab fih u l-Partit Nazzjonalista jħoss li dan l-istat disastruż huwa sintomatiku ta’ min qed imexxieh, u cioe il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-Ministru u l- Prim Ministru li jibqgħu jiddefenduh.

Beppe Fenech Adami kompla li l-aħbar żvelata llum hi frott deċiżjonijiet partiġġjani tal-Gvern ta’ Muscat li neħħa l-kundizzjoni li persuna li tidħol fil-korp jrid jkollha kondotta nadifa. Sal-lum il-Gvern ta’ Joseph Muscat diġà  daħħal fil-korp 47 ufficjal tal-Pulizija b’kondotta kriminali.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi wkoll għalfejn din l-aħbar li tliet uffiċjali tal-Pulizija inqabdu bid-droga baqgħet mistura u kellha tkun biss il-media li tiżvelaha. Sfortunatament il-ħafna Pulizija onesti fil-korp ikollhom xogħolhom imtappan bl-aġir ta’ Gvern li huwa b’saħħtu mad-dgħajjef u dgħajjef ma min huwa b’saħħtu.