Dak li ġara fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar jiem huwa riżultat tal-kultura tax-xejn mhu xejn. Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’intervista fuq Radio 101 fejn irrefera mhux biss għall-każ tar-rekluti ġodda li nqabdu bid-droga iżda anke għall-każ tal-eks Assistent Kummissarju Mario Tonna li dwaru sar rapport ta’ vjolenza domestika mis-sieħba tiegħu.
“Mhux normali li jkollok Assistent Kummissarju li jsawwat lis-seħba tiegħu, imbagħad il-Ministru flok joħroġ mill-ewwel biex jikkundannah, jipprova jiġġustifika att ta’ vjolenza domestika. U alura din il-kultura ta’ xejn mhu xejn, din il-kultura ta’ u ejja, din il-kultura ta’ ma jimpurtax, din il-kultura ta’ li nnaqqsu l-livell ta’ min jista’ jidħol fil-Korp u anke jekk għandhom kondotta maħmuġa xorta jistgħu jidħlu fil-Korp, twassal għal dawn l-affarijiet”, qal Adrian Delia
Adrian Delia qal li dawn l-affarijiet jippreokkupawh mhux bħala politiku – iżda bħala missier ġo familja li trid tgħix f’pajjiż sikur. U kien hawn fejn irrefera għall-iktar każ riċenti: dak ta’ bomba li tpoġġiet taħt karozza fil-Fgura u li fortunatament ma ħaditx.
“Tibda tikkonfondi, tibda thewden, u tibda tifhem għalfejn huma l-kriminali f’pajjiżna li jħossuhom komdi, huma l-kriminali f’pajjiżna li anke wara dak li ġara, xorta jħossuhom komdi jagħmlu bomba wara l-oħra għax jaħsbu li l-ħażin, f’dan il-pajjiż, huwa permettibbli”, żied jgħid.
Adrian Delia qal li l-Gvern u l-Kummissarju tal-Pulizija qed jippermettu attitudni ta’ xejn mhu xejn, fejn kulħadd jaħseb li hu ogħla mil-liġi għax għall-affarijiet il-kbar, ħadd ma jagħti rendikont.
Fl-intervista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-bejgħ tal-isptarijiet u kif il-konċessjoni mogħtija lil VGH issa nbiegħat lil kumpanija Amerikana oħra. Qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni mhix kontra diskussjoni fil-Plenarja, l-ewwel trid issir diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa fejn jista’ jipparteċipa kulħadd – diskussjoni li l-Gvern ma jridhiex.
“L-Oppożizzjoni, ħa nkun ċar daqs il-kristall, mhix se tieqaf hawn. Jekk din is-sejħa li għamilna mhix se titwettaq min-naħa tal-Gvern, m’aħniex se nibqgħu siekta. M’aħniex se nibqgħu hemmek bilwieqfa ma nagħmlu xejn. Imma ħa naraw kif se nagħmlu biex dak li huwa tal-poplu Malti, jintradd lura. Biex dak is-servizz li kellu jingħata, jingħata lill-poplu Malti” temm jgħid.
Tkellem ukoll dwar il-mozzjoni li tressqet biex tittieħed lura l-art ODZ fiż-Żonqor, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jtemm jgħid li l-Oppożizzjoni se tieħu bosta inizjattivi biex il-poplu Malti finalment ikun jista’ jgħix aħjar. Adrian Delia temm jgħid li l-Oppożizzjoni se tkun pożittiva għax se taħdem biex ittejjeb is-sitwazzjoni biex bil-politika tal-lum, titħalla xi ħaġa għall-futur.
//= $special ?>