Internazzjonali

Diversi persuni rrapurtati nieqsa f’ħabta bejn tanker u bastiment barra ċ-Ċina

Tal-anqas 32 persuna kienu rappurtati nieqsa wara ħabta bejn tanker taż-żejt u bastiment tal-merkanzija li seħħet ‘il hinn mill-kosta, lejn il-Lvant taċ-Ċina.

It-tanker ‘Sanchi’ – li hu reġistrat il-Panama u li kien qed iġorr kunsinna ta’ 136,000 tunnellata żejt mill-Iran – spiċċa jieħu n-nar fl-inċident.

Sadanittant il-Ministeru tat-Trasport Ċiniż qal li l-persuni rappurtati nieqsa kienu kollha membru tal-ekwipaġġ tat-tanker – li l-parti kbira tagħhom huma Iranjani.

Fl-istess ħin, ingħatat konferma li salvaw il-21 membru tal-ekwipaġġ tal-bastiment tal-merkanzija inkwistjoni.

L-aħħar rapporti qalu li t-tanker dam jaqbad fit-tul u li l-Ministeru Ċiniż għat-Trasport kien għaddej bl-isforzi tas-salvataġġ intensivi.

Il-ħabta traġika seħħet xi 160 mil nawtiku (296 kilometru) ‘il hinn mill-kosta ta’ Shangai u talanqas tmien bastimenti taċ-Ċina kienu qed jgħinu fil-missjoni ta’ search and rescue f’dik iz-zona ta’ baħar partikulari.

Il-Korea t’Isfel ukoll bagħtet bastiment tal-gwardjani tal-kosta flimkien ma’ ħelikopter biex jappoġġjaw l-impenn ta’ emerġenza.

It-tanker kien qed ibaħħar mill-Gżira ta’ Kharg, fl-Iran, lejn Daesan, fil-Korea t’Isfel.

Il-kunsinna żejt li kien qed iġorr kienet ekwivalenti għal ftit anqas minn miljun barmil u l-valur tiegħu fis-suq hu stabbilit madwar il-50 miljun ewro.

Sadanittant, il-bastiment tal-merkanzija – is-CF Crystal, irreġistrat Hong Kong – kien qed iġorr mal-64,000 tunnellata qmuħ mill-Istati Uniti lejn il-provinċja ta’ Guangdong, fin-nofsinar taċ-Ċina. L-aħħar rapporti, mill-ġdid, tennew li ma ntilef ħadd mill-ekwipaġġ, li kien magħmul kollu minn Ċiniżi.