Il-każ tal-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Mario Tonna jkompli jikkumplika ruħu – dan hekk kif minkejja li ġie ppubblikat rapport jallega li Mario Tonna sawwat lis-sieħba tiegħu, il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia ma jeskludix li dan jingħata kariga mal-Gvern.
F’rapport li għamlet mal-Pulizija s-sieħba tal-eks Assistent Kummissarju Mario Tonna, jidher li allegatament waqt argument magħha stess, Mario Tonna ta daqqa ta’ ras ġo mneħirha. Bil-konsegwenza, li Mario Tonna kellu jirreżenja mill-Korp tal-Pulizija.
Għaldaqstant, wara ċerimonja fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, NET News staqsa lill-Ministru tal-Intern Michael Farrugia jekk Mario Tonna hux possibbli li jingħata kariga mal-Gvern. Fir-risposta tiegħu, il-Ministru Michael Farrugia qal li għalissa jrid jistenna sakemm isiru l-investigazzjonijiet tal-Pulizija – filwaqt li stqarr li l-Pulizija bħalissa qegħda tinvestiga dan l-allegat każ ta’ vjolenza domestika.
Iżda pressat minn NET News dwar jekk jeskludix illi Mario Tonna jingħata kariga mal-Gvern hekk kif issa rreżenja minn mal-Korp tal-Pulizija, il-Ministru Michael Farrugia qal li għalissa li ma jistax jeskludi dan – hekk kif l-investigazzjoni għadha għaddejja.
//= $special ?>