Rapport: George Cassar
TARXIEN R………………0
FLORIANA……………….2
Tarxien: A. Chetcuti, E. Baker, A. Scicluna, A. Mitrev, M. Spiteri (A. Agius 79’), S. Cipriott (M. Desira Buttigieg 75’), E. Calin, A. Azzopardi, R. Faria, J. Brincat, M. Dieye (M. Traore 85’)
Floriana: M. Grech, A. Cini, E. Pepe, A. Oyama, S. Pisani, D. Grima, C. Borg, S, Nayar (B. Sciberras 93’), M. Vella, J. Cabral (L. Grech 77’), M. Fontanella (J. Pisani 85’)
Skorjaw: M. Fontanella 44’, M. Vella 82’ (F)
Imwissija: C. Borg 20’, S. Nayar 63’, M. Vella 71’, D. Grima 71’ (F) S. Cipriott 27’, E. Baker 30’, M. Spiteri 42’, R. Faria 63’ (T)
Referee: Jude Utulu
Assistenti Referees: William Debattista, Jurgen Spiteri
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Steve Pisani (Floriana)
Floriana għelbu lil Tarxien Rainbows b’gowl kull taqsima mingħajr ma impressjonaw wisq. Minkejja li kienu superjuri għall-avversarji għal ħafna mil-logħba, il-Furjaniżi ma kkonkludewx wisq u damu ma għalqu l-logħba bit-tieni gowl li wasal fl-aħħar tmien minuti.
Floriana kellhom fuq il-bankina lil J.J. Aquilina biex jassisti lill-kowċ li ħatru f’Diċembru Nicholas Chiesa. L-ekskowċ Giovanni Tedesco llum kien ukoll isegwi ż-żewġ partiti ta’ Ta’ Qali. Għalihom irritorna l-Arġentin Sebastian Nayar li diġà libes il-flokk Furjaniż f’nofs l-istaġun li għadda. Bħala gowlkiper lagħab dak ta’ riserva Matthew Grech minflok is-solitu Ini Aktpan.
Fid-difiża ta’ Tarxien iddebutta l-Maċedonjan Tony Mitrev li ġie misluf lilhom mingħand Balzan. Ir-Rainbows ikkontrollaw tajjeb lill-avversarji b’difiża organizzata iżda kienu sfortunati li fil-mument meta kienu qed jheddu l-lasti Furjaniżi, sofrew il-gowl qabel tmiem l-ewwel taqsima.
Fl-ewwel ħames minuti Floriana laqtu l-lasta darbtejn minn Maurizio Vella u Steve Pisani. Fl-40 minuta t-tentattiv minn barra l-kaxxa ta’ Ayrton Azzopardi għal Tarxien, bil-gowlkiper Grech imiss ftit il-ballun qabel ma dan jitwaqqaf mill-mimduda u jmur korner.
F’mument tajjeb għal Tarxien, kienu Floriana li marru minn fuq. Pass intelliġenti ta’ Maurizio Vella nifed id-difiża ta’ Tarxien lejn Mario FONTANELLA li għeleb l-offside u skorja fil-baxx.
It-tieni taqsima għamlet ħin twil mingħajr konklużjonijiet lejn il-lasti. Għoxrin minuta mit-tmiem Floriana appellaw għal penalty wara li Matthew Spiteri deher jimbotta lil Maurizio Vella fil-kaxxa, iżda r-referee Jude Utulu ammonixxa lill-Furjaniż għal simulazzjoni.
Fit-82 minuta Floriana assiguraw mit-tliet punti minn konklużjoni spettaklolari ta’ Maurizio VELLA b’xutt bix-xellug mill-bogħod wara pass ta’ Leighton Grech. Bit-tliet punti miksuba Floriana issa qegħdin biss punt taħt it-tim tat-tielet post Gżira United qabel ma l-ġimgħa d-dieħla jaffaċċjaw lil Hibernians.
//= $special ?>