Il-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni tkompla wara l-waqfien tal-festi, b’Hibernians jegħlbu lil BUPA Luxol lejn it-tmiem filwaqt li Cynergi Depiro kisbu l-ewwel rebħa kontra Starlites.
Rebħa drammatika
BUPA LUXOL………………….76
HIBERNIANS………………….77
(16-23, 17-16, 18-18, 25-20)
Luxol: C.J. Cordina (5), M. Sjoberg, N. Vasovic (7), J.P. Schembri (6), K. Dimech (21), K. Meyer (31), A. Micallef Trigona, S. Capello (6)
Hibernians: R. Vella (5), P. Attard, K. Sultana, L. Farrugia (15), I. Bonett (2), A. Axiaq (11), M. Matijevic (4), A. Lizuar (27), F. Mariani, C. Patus (13)
Referees: N. Azzopardi, B. Vassallo, T. Montere
Luxol sofrew l-ewwel telfa fil-kampjonat meta tilfu 77-76 kontra Hibernians f’logħba bi tmiem drammatiku. Hibernians kellhom bidu tajjeb u wettqu rimonta fl-aħħar minuti, bl-Ispanjol Lizuar jispikka fejn qed jerġa’ jsib il-forma.
Hibernians ħarġu tajjeb u fetħu vantaġġ żgħir ta’ 9-4. Għalkemm Luxol tjiebu, Hibernians temmew l-ewwel sessjoni 23-16 minn fuq. Luxol bil-punti taż-żagħżugħ Dimech u l-Amerikan Meyer komplew juri titjib fit-tieni sessjoni biex qasmu l-logħob ma’ Hibernians u żammew il-vantaġġ ta’ 39-33 sal-mistrieħ.
Il-logħba kompliet tkun bilanċjata fl-ewwel minuti wara l-mistrieħ. Lejn nofs is-sessjoni, Hibs kellhom mument tajjeb u disa’ punti mingħajr risposta wasslu biex kabbru l-vantaġġ għal 57-42. Luxol irnexxielhom inaqsu d-distakk b’disa’ punti konsekuttivi.
Luxol kellhom mument ieħor tajjeb u għamlu l-iskor 62-62. Wara li Hibs reġgħu fetħu vantaġġ żgħir ta’ 69-64, Luxol kisbu disa’ punti mingħajr risposta u marru 73-69 minn fuq. Żewġ konklużjonijiet mill-bogħod ta’ Chad Patus poġġew lil Hibs minn fuq.
Basket ta’ C.J. Cordina żewġ sekondi mit-tmiem poġġew lil Luxol 76-75 minn fuq. Huma ħasbu li rebħu wara li l-ħin baqa’ għaddej bl-arloġġ suppost waqaf. Għalhekk il-logħba kompliet għall-aħħar żewġ sekondi u b’Luxol jitilfu ftit il-konċentrazzjoni, kien Vella li b’lay-up ta r-rebħa lil Hibernians.
L-ewwel rebħa
STARLITES…………………..66
CYNERGI DEPIRO…………72
(17-18, 13-11, 18-16, 18-27)
Starlites: S. Pace (13), I. Felice Pace, A. Schembri (2), S. Borg, I. Pace, A. Felice Pace (15), D. Carabott (5), O. Psaila, N. Andrejevic , J. Wait (3), M. Brewe (28)
Depiro: D. Bugeja (18), D. Camilleri (1), A. Aquilina (7), A. Attard, K. Xuereb (9), M. Borg, D. Scafidis (34)
Referees: B. Vassallo, G. Barbara, T. Mantere
Depiro kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat biex ħallew lil Starlites bla rebħa. Għal Depiro għamel id-debutt ix-shooter Camilleri li akkwistaw mingħand Gżira, li bl-esperjenza tiegħu għen fl-aħħar minuti kruċjali lejn ir-rebħa. Starlites kienu sfortunati li fl-aħjar mument tagħhom weġġa’ l-Amerikan Brewe.
Il-bidu tal-logħba kien bilanċjat bl-Amerikan b’passaport Taljan Scafidis ikompli juri l-aqwa forma tiegħu wara l-kampjonat deludenti tas-sena l-oħra. Għal Starlites beda jikseb il-punti Brewe biex l-ewwel sessjoni spiċċat 18-17 għal Depiro. Il-logħob komplew ikun bilanċjat b’Starlites jirnexxielhom imorru 30-29 minn fuq fil-mistrieħ.
Depiro bdew it-tielet sessjoni ftit aħjar biex irnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ seba’ punti f’nofs is-sessjoni. Ir-reazzjoni ta’ Starlites waslet biex kisbu għaxar punti mingħajr risposta. Hawn weġġa’ l-Amerikan Brewe li kellu jinbidel, b’Starlites 48-45 fil-bidu tal-aħħar għaxar minuti.
Starlites bdew l-aħħar sesjoni mingħajr Brewe u ħadu vantaġġ biex marru 55-51 minn fuq. Brewe daħal b’faxxa ma’ geddumu. Starlites pruvaw jirkupraw imma ma rnexxielhomx b’Depiro jikkontrollaw sat-tmiem.
KAMPJONAT MAPFRE MSV LIFE TAN-NISA
Caffe Moak Luxol jerġgħu jitilfu
Iċ-champions renjanti Caffe Moak Luxol sofrew telfa oħra din id-darba kontra Depiro. Huma kellhom bidu aħjar biex fetħu vantaġġ ta’ 11-2. Luxol tjiebu biex naqsu d-distakk għal ħames punti, b’Depiro jidħlu jistrieħu 29-24.
Luxol saħansitra rnexxielhom idawru r-riżultat għal 36-33 wara l-mistrieħ, b’Depiro jirnexxielhom jibdew l-aħħar perjodu 37-36 minn fuq. Luxol reġgħu marru minn fuq, iżda reazzjoni tajba ta’ Depiro wasslet biex marru 49-41 minn fuq. Luxol żiedu l-isforzi tagħhom iżda, Depiro rnexxielhom iżommu l-vantaġġ biex rebħu 51-47.
Fit-tieni logħba, Athleta rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Hibernians 62-47 b’wirja tajba. Gżira bdew tajjeb u temmew l-ewwel perjodu 16-12 minn fuq. Lejn nofs it-tieni sessjoni, huma kisbu għaxar punti konsekuttivi u kabbru l-vantaġġ għal 26-15. Ir-reazzjoni ta’ Hibernians waslet u daħlu jistrieħu 29-29.
Gżira Athleta ħarġu aktar determinati wara l-mistrieħu biex fetħu vantaġġ ta’ 50-35 u minkejja li naqsu ftit mir-ritmu, baqgħu jikkontrollaw il-logħba sat-tmiem.
//= $special ?>