Futbol Sport

Hibernians u Ħamrun iċaħħdu l-punti lil xulxin

Marcelo Dias jipprova jżomm il-pussess tal-ballun minkejja li hu ssikkat (Ritratt: Matthew Tabone)

Rapport: George Cassar

HIBERNIANS………….0

ĦAMRUN S……………..0

Hibernians: A. Hogg, R. Soares (J. Mbong 69’), A. Agius, R. Gomes, M. Dias (T. Tabone Desira 83’), M. Kreuzriegler, D. Vella, B. Kristensen, J. Lima, J. Moreira (J. Degabriele 65’), Jorginho

Ħamrun: S. Sultana, K. Micallef, T. Espindola, D. Zerafa, T. Souza, T. Caruana, Guilherme, D. Camilleri, J. Galea, L. Micallef (M. Criaco 78’), D. Succi

Imwissija: T. Souza 28’, T. Caruana 90’ (Ħm), J. Lima 83’ (Hb)

Tkeċċa: T. Souza 90’ (Ħm)

Referee: Eman Grech

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Roberto Vella

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Andrew Hogg (Hibernians)

Attendenza: 935

Ħamrun Spartans u Hibernians impenjaw lill-gowlkipers avversarji iżda ma rnexxielhomx jegħlbuhom sal-aħħar biex ħadu punt kull wieħed f’partita ta’ mingħajr gowls.

Din kienet it-tielet partita li fiha Hibernians ma rnexxielhomx jirbħu wara ż-żewġ telfiet konsekuttivi kontra Balzan u St. Andrews biex issa qegħdin ħames punti maqtugħin mill-ħames post.

Il-kowċ Mark Miller kellu attakk ġdid hekk kif iddebutta Joao Moreira u rritorna Jorginho. It-tnejn li huma kienu qrib il-gowl għalkemm il-partitarji Pawlisti żgur li qegħdin jistennew minnhom iktar minn dak li għamlu f’din il-logħba.

Ħamrun għandhom biex ikunu kuntenti bil-prestazzjoni u kien hemm ħinijiet twal fejn kienu aħjar mill-avversarji fejn impenjaw spiss lill-gowlkiper Andrew Hogg tant li dan intgħażel ukoll bħala l-aħjar plejer tal-logħba.

Wara għaxar minuti l-Ħamruniżi kellhom ċans tajjeb li jaħsdu lill-avversarji kmieni meta x-xutt ta’ Thiago Espindola kien milqugħ mal-art minn Hogg. L-azzjoni kompliet  b’Lydon Micallef ikomplu ballun bit-takkuna lejn Davide Succi li għadda lura lil Espindola li t-tieni tentattv tiegħu kien imblukkat fuq il-linja mid-difensur Rui Gomes.  Il-gowlkiper ta’ Hibernians reġa’ ħareġ l-aħjar tiegħu meta ntefa’ biex dawwar f’korner xutt ta’ Lydon Micallef.

Qabel intemmet l-ewwel taqsima ż-żewġ naħat keinu ferm qrib li jiżblukkaw l-iskor. L-ewwel kien Succi li spiċċa waħdu quddiem Hogg minn pass ta’ Julian Galea iżda għolla wisq il-ballun. Fuq in-naħa l-oħra minn kross ta’ Martin Kreuzriegler, Jaoa Moreira tilef il-gowl tad-debutt meta tefa’ ftit barra bir-ras.

Fit-tieni taqsima ż-żewġ gowlkipers baqgħu attivi u dak ta’ Ħamrun Steve Sultana salva d-daqqa ta’ ras ta’ Marcelo Dias filwaqt li Andrew Hogg ta’ Hibernians laqa’ tajjeb dik ta’ Lydon Micallef mill-viċin.

Għaxar minuti mit-tmiem Hibernians tilfu lil Marcelo Dias li weġġa’ u ma setax ikompli l-partita u postu fuq il-faxxa leminija ħadu Timothy Tabone Desira. Minuta mit-tmiem, ir-referee Eman Grech kien ftit aħrax meta wera t-tieni karta safra lil Tiago Souza u keċċieh wara li dan mexa bil-ballun ’il quddiem iktar milli suppost qabel ma ta freekick.