Lokali

Il-Falliment tal-AUM: Pressjoni biex il-Gvern ipoġġi l-interess tal-poplu qabel dak tal-Grupp Sadeen

Ambjentalisti u rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqblu mal-proposta tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex l-art fiż-Żonqor tingħata lura lin-nies.

Il-kwistjoni fuq l-art taż-Żonqor li fil-leġiżlatura li għaddiet, il-Gvern għaddieha lill-investituri Ġordaniżi; il-Grupp Sadeen, spiċċat mill-ġdid taħt il-lenti. Dan minħabba li huwa ċar li l-proġett falla hekk kif huma biss 15 l-istudenti li rreġistraw mal-American Univeristy of Malta minflok l-4,000 kif kienet il-mira oriġinali. Dan minbarra li fl-aħħar jiem tkeċċew 12-il ħaddiem, ħafna minnhom akkademiċi. Sadattant fi sforz imqanżah minħabba li mhux qed ikunu attirati studenti barranin, il-Ġordaniżi qed joffru boroż ta’ studju lil għaxar studenti Maltin; proċess li kif inhu indikat il-proċess tal-għażla se jdum aktar minn Awwissu li ġej.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ppreżentat mozzjoni fil-Parlament biex l-art verġni fiż-Żonqor terġa’ tingħata lin-nies. L-Oppożizzjoni qed ittenni li l-Grupp Sadeen għandu diffikultajiet biex jattira studenti barranin lejn Malta u qed isir appell biex l-art fiż-Żonqor ma tispiċċax għal skop ta’ spekulazzjoni.

Wara li lbieraħ iltaqqa’ l-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li kien qiegħed jinnotta wkoll li l-Gvern qed itawwal biex jiddiskuti l-mozzjoni mressqa mil-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex l-poplu jieħdu lura l-art ODZ fiż-Żonqor. Fil-laqgħa, il-Viċi Kap tal-PN David Agius staqsa jekk il-Gvern għandux l-intenzjoni li jiddiskuti l-mozzjoni dwar l-art taż-Żonqor. Il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne qal li l-Oppożizzjoni tista’ tuża l-Ħamis għal din il-mozzjoni jew mozzjonijiet oħra tagħha.

Intant, il-mument ħadet diversi reazzjonijiet dwar l-aħħar żviluppi.

L-art għandha tingħata lura lill-poplu – Ramblers Association Malta

“L-iżvilupp propost hu sfaċċat li lanqas biss hu għal skop edukattiv. Din l-art fiż-Żonqor li hi barra mill-iskema għall-iżvilupp, jiġifieri ODZ, se tittieħed biex jinbnew dormitorji tal-Università Amerikana li hi tal-Ġordaniżi.

Dan il-proġett kważi kważi mill-bidu kien jidher li mhux se jirnexxi. Anke l-fatt, pereżempju, li l-kumpanija li daħlet għal dan il-proġett li tibni u tħaddem Università, m’għandhiex esperjenza fil-qasam edukattiv. Il-kumpanija Ġordaniża – il-Grupp Sadeen  taħdem fil-qasam tal-bini u issa f’daqqa waħda daħlet fis-settur tal-edukazzjoni terzjarja. Ikun tajjeb ħafna li jitreġġa’ kollox lura u din l-art li hi tal-poplu tingħata lura lill-poplu u b’hekk ma jsirx żvilupp fiż-Żonqor.”

Proġett li mhux jagħmel sens – Astrid Vella, Flimkien għal Ambjent Aħjar

“Jekk wieħed jieħu dan il-proġett mill-aspett prattiku, ma jagħmilx sens. Dan għaliex parti se tkun Bormla u l-parti l-oħra se tkun fuq art ODZ fiż-Żonqor, Marsaskala; parti li se sservi biss biex jorqdu l-istudenti. Hemm aktar postijiet viċin Baċir 1, fejn hemm il-bini ta’ din l-Università tal-Ġordaniżi, li huma eqreb miż-Żonqor. Fosthom il-Forti San Salvatore li għalih jistgħu jmorru bil-mixi u mhux inkomplu nżidu aktar karozzi fit-toroq u aktar tniġġis għaliex l-istudenti jużaw il-mezz tagħhom tat-trasport biex imorru ż-Żonqor. Jekk il-proġett isir fiż-Żonqor se nkunu qed inżidu t-traffiku anke lejn zoni tal-kampanja. Fiċ-ċentru ta’ Malta diġà kkawżajna din il-problema u issa għadna fiċ-ċans li ma nagħmlux l-istess żball lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta.”

Proposta tajba mill-Oppożizzjoni – Front Ħarsien ODŻ

“Jekk il-Gvern għandu l-interess tal-ġid komuni għandu jwarrab il-proġett miż-Żonqor. Normalment universitajiet ma jkunux mal-kosta bil-veduta mill-isbaħ tal-baħar. Din l-Università wiegħdet li se ġġib mal-4,000 student u minflok ġabet 15-il student – nofs klassi – u wiegħdet ħafna affarijiet oħra li ma ġewx, anzi qed jitkeċċew l-impjegati minn magħha, fosthom akkademiċi.

Jidher li l-Gvern għandu lealtajiet li ma nafux bihom mal-Grupp Sadeen. Niftakru li l-Gvern wiegħed ħafna affarijiet spettakolari qabel l-elezzjoni tal-2013 u anke qabel l-aħħar elezzjoni u allura għalhekk jidher li għandu obbligi ma’ ċerti businesses kbar.

Jidher ukoll li l-Gvern għandu jdejh marbuta. Però jekk il-Gvern ipoġġi l-interess tal-poplu qabel l-interess tal-Grupp Sadeen, allura l-art għandha tingħata lura lill-poplu. Il-Gvern għandu jara wkoll li jekk l-Università Amerikana mbagħad jirnexxilha ġġib 4,000 student, għandu jagħti direzzjoni ċara lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jinstab post alternattiv minflok iż-Żonqor. Anke l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg kien qal li hemm siti alternattivi għaż-Żonqor. Għalhekk il-Gvern għandu jagħti rigal ta’ rieda tajba lill-poplu wara l-proposta tajba tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex iż-Żonqor jingħata lura u għandu jkun hemm negozjar biex jekk l-4,000 student jaslu, jinstab sit ieħor.

Il-konklużjonijiet huma ċari: il-Partit Laburista għamel ħafna wegħdi però jidher li kienu indirizzati biex jaqdu l-ħtiġiet ta’ ċerti nies u biex għamel dan, il-Gvern Laburista uża l-assi tal-poplu.”

Żona li għandha tiżdied mal-park tal-Imwadar – Alfred E. Baldacchino, Eks-Ass. Dir. Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent

“Qatt ma nista’ nkun kontra xi suġġeriment, idea, jew ħidma favur art pubblika biex tintuża għall-għanijiet wiesgħa mmirati lejn it-tisħiħ tal-kuxjenza pubblika, l-edukazzjoni, saħħa, u ħarsien tal-bijodiversità nazzjonali. Mhux biss nilqa’ dan, imma nagħmel kulma hu possibbli u nagħti s-sehem tiegħi kollu biex jintlaħaq dan il-għan.

Jekk din l-art tiżdied u tagħmel parti mill-park tal-Imwadar, il-poplu jkollu fejn jitgħallem aktar dwar il-bijodiversità Maltija biex din tkun aktar apprezzata u mħarsa, u anki l-poplu jkollu aktar wesgħat fejn jista’ jimraħ u jistrieħ mill-bliet li qed jibilgħu kull serħan il-moħħ, fejn illum qed ngħixu fuq xulxin fost il-kaos tal-karozzi u d-dħaħen.

Jekk din l-art tingħata lura lill-poplu għar-raġunijiet soċjali u ambjentali, u tingħaqad mal-park tal-Imwadar, allura tisboq kull qligħ finanzjarju li jista’ jkollha u dan jinqasam u jitgawda mill-poplu u l-ambjent kollu.

Sfortunatament illum ħadd mhu qed jagħti valur lill-ambjent naturali – il-bijodiversità – u kif dan jista’ jgħin anki finanzjarjament lis-soċjetà, l-aktar lis-saħħa tal-poplu. Il-ftit li qed isir f’dan il-qasam iżjed għandu viżjoni ta’ qligħ u kummerċ għall-ftit, milli viżjoni biex inħarsu l-interessi tas-soċjetà Maltija kollha u tal-ambjent naturali nazzjonali. U minflok ġid aktar qed issir ħsara uffiċjali lill-bijodiversità Maltija, saħansitra anki mill-Ministeru tal-Ambjent stess.

In-Nofsinhar ta’ pajjiżna għandu ħafna bżonn wesgħat fejn itaffu xi ftit mill-impatti negattivi li qed jifnu lill-poplu ta’ dawk l-inħawi. Investiment kummerċjali ta’ gwadann għall-ftit qed jagħmel aktar ħsara. Din il-ħsara qatt ma tista’ tissewwa b’miżuri finanzjarji biss għax dawn aktar ikomplu jgħabbu lill-poplu u l-ambjent naturali Malti bi spejjeż kbar: spejjeż ekoloġiċi, soċjali u finanzjarji.”