Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, bdiet round ġdid ta’ taħditiet għal koalizzjoni f’tentattiv ieħor biex tirrisolvi l-istaġnar politiku ta’ pajjiżha.
Illum, aktar minn tliet xhur wara li saru l-elezzjonijiet fil-Ġermanja, il-pajjiż għadu qed jistenna Gvern ġdid, u dawn it-taħditiet – li se jdumu għal ħamest ijiem – qed jinkludu l-Partit CDU (Demokristjan) ta’ Merkel, il-partit sieħeb tiegħu CSU (Unjoni Kristjana Soċjali) u l-Soċjal Demokratiċi (SPD).
Jista’ ikun ukoll li dawn it-taħditiet huma l-aħħar opportunità għal Angela Merkel biex tifforma koalizzjoni stabbli f’Berlin.
L-SPD ta’ Martin Schulz jinsab taħt pressjoni biex jissieħeb fil-koalizzjoni wara li Merkel falliet fit-tentattiv għal koalizzjoni mal-FDP liberali u l-Ħodor.
Schulz, is-sena l-oħra, kien ħalef li jipprovdi l-Oppożizzjoni għal Merkel wara li l-SPD kiseb riżultati deludenti għall-aħħar fl-elezzjonijiet ta’ Settembru.
Intant, Angela Merkel, issa, trid tikkonvinċi lit-Tmexxija tal-SPD li għandhom biżżejjed impenji komuni biex jibdew in-negozjati formali għal koalizzjoni sa Marzu jew April li ġej.
Min-naħa tagħha, Merkel hi fiduċjuża li jintlaħaq ftehim, waqt li Schulz tenna li ‘ż-żmenijiet ġodda jirrikjedu politika ġdida’.
L-alleati tal-Ġermanja fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikulari Franza, qegħdin jittamaw li Merkel jirnexxilha twaqqaf koalizzjoni mingħajr telf ta’ żmien, meta l-Ġermanja tibqa’ protagonista assoluta għall-għaqda Ewropea.
Skont stħarriġ ta’ opinjoni partikulari, xi 54 fil-mija tar-rispondenti qalu li ‘koalizzjoni ġdida bejn il-partiti l-kbar (is-SCU u l-SPD) għandha tkun pożittiva għall-Ġermanja’.
//= $special ?>


