Internazzjonali

Il-Libja: L-ewwel inċident bl-immigranti fl-2018

 

Mietu tal-anqas tmien immigranti fl-għarqa ta’ dinghy lil hinn mill-kosta tal-Libja, bil-gwardjani tal-kosta Taljani jgħidu li salvaw madwar 84 oħra f’dan l-inċident.

Intant, kelliema għall-entità karitatevoli Spanjola ‘Proactiva Open Arms’ qalu wkoll li seta kien hemm għexieren ta’ immigranti oħra neqsin.

Is-sorsi qrib l-entità Ġermaniża Sea-Watch, fl-istess ħin, qalu li ‘għerqu tal-anqas 25 fl-inċident’ iżda d-dettalji ma kenux ċari u l-ammont kien, ftit jew wisq, ikkuntestat.

Huwa ċert, iżda, li ħafna mill-immigranti li salvaw kienu damu ‘sigħat twal fil-baħar’ , bit-tfittxija għall-immigranti tkompli fl-aħħar sigħat.

Id-dinghy kien intlemaħ, nofsu-mgħarraq, minn ajruplani tas-sorveljanza ma’ Operation Sophia, tal-Unjoni Ewropea, fejn hemm diversi mezzi impenjati biex jinterċettaw lid-dgħajjes involuti fit-traffikar tal-bnedmin bejn il-Libja u l-Ewropa.

L-indikazzjonijiet huma, intant, li din kienet l-ewwel għarqa ta’ opra tal-baħar mimlija bl-immigranti fil-Mediterran, mill-bidu tas-sena ’l hawn.