Lokali

Il-Maltin jilħqu l-quċċata tal-Kilimanjaro – l-ogħla muntanja fl-Afrika

Ritratt: Reuben Balzan / Facebook

Il-Maltin laħqu b’suċċess il-quċċata tal-muntanja Kilimanjaro u mingħajr ħafna intoppi kbar hekk kif il-grupp qed jipparteċipa fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-‘Kilimanjaro Challenge’.

Fuq Facebook, l-Avukat Reuben Balzan, wieħed mill-parteċipanti, tella’ ritratt tiegħu fil-quċċata ta’ din il-muntanja, kif ukoll sensiela ta’ ritratti oħra ta’ diversi membri tal-grupp jagħmlu l-ewwel passi tagħhom fil-quċċata tal-Kilimanjaro.v

“Wara għaxar xhur ta’ preparazzjonijiet u sitt ijiem ta’ mixi fix-xemx, fix-xita, fis-silġ u l-isnow, ilħaqna l-quċċata – waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajti”, kiteb Reuben Balzan fuq Facebook.

Din is-sena pparteċipaw mad-19-il persuna li qatt qabel ma kienu għaddew minn esperjenza bħal din. Imma b’kollox, tul is-snin, il-Kilimanjaro Challenge rnexxielu jtella’ fuq din il-muntanja madwar 200 persuna, li ħafna minnhom temmewha b’suċċess minħabba li qabel issir din l-isfida jkun hemm taħriġ intensiv li jipprepara lill-parteċipanti għal din l-isfida.

Din hi l-11-il edizzjoni tal-Kilimanjaro Challenge, u fl-isfida l-voluntiera Maltin laħqu l-quċċata ta’ din l-ikbar muntanja fl-Afrika, għolja mas-6,000 metru.

Il-Maltin telqu lejn l-Afrika fis-27 ta’ Diċembru li għadda għal din l-inizjattiva li fiha qed jinġabru fondi għall-proġett li ried jagħmel Dun Ġorġ Grima, li miet f’Settembru li għadda.

Filfatt, din is-sena l-isfida hija aktar speċjali għar-raġuni li hi l-ewwel sfida mill-mewt tal-missjunarju Dun Ġorġ Grima u l-fondi li qed jinġabru se jmorru għall-proġetti li ħolom hu stess, din is-sena l-flus se jmorru biex tinbena skola fl-Etijopja.

Matul is-snin permezz ta’ Kilimanjaro Challenge inġabru madwar 700,000 ewro, għall-proġetti li saru kemm fil-Kenja u anke fl-Etijopja.

https://www.facebook.com/photo.php?fbid=10157242278158066&set=a.499326893065.291816.812393065&type=3&theater

https://www.facebook.com/reuben.balzan/posts/10157242306143066