Internazzjonali

L-Awstralja: L-inħawi ta’ Sydney fl-akbar morsa tas-sħana mill-1939

 

It-temp fil-belt ta’ Sydney u l-madwar illum kien irreġistrat bħala ‘l-aktar sħun għal dawn l-aħħar 79 sena’ – bit-temperaturi fir-reġjun jitilgħu għal 47.3 gradi Celsius. Din kienet anki l-aktar ġurnata sħuna f’Sydney mill-1939 ’l hawn.

L-agħar sħana kienet irreġistrata f’Penrith, lejn il-Punent ta’ Sydney, b’numru ta’ twissijiet – inklużi fire warnings – jingħataw tul dik il-belt prinċipali u l-limiti tagħha.

Il-qilla tat-temperaturi kienet kważi l-istess bħall-jum partikulari, fl-1939, meta s-sħana kienet telgħet għal 47.8 grad Celsius.

Intant, is-sħana affettwat diversi avvenimenti sportivi, fosthom test match tal-cricket f’Sydney (bejn l-Ingilterra u l-Awstralja) u tournament tat-tennis internazzjonali fejn l-organizzaturi kellhom iwaqqfu l-logħob mimħabba l-kundizzjonijiet ‘impossibbli’.

Ittieħdu wkoll miżuri ta’ prevenzjoni fost allerti għal nirien potenzjali tul il-greater Sydney area, meta hemm sogru kbir ta’ nirien qalb l-aħrax f’dawn iż-żminijiet ta’ nixfa tipiċi tas-sajf, fl-Awstralja. Fil-fatt, nhar is-Sibt kienu reġistrati numru ta’ nirien li qerdu xi proprjetà fl-Istati ta’ Victoria u South Australia.