Internazzjonali

L-eku ta’ skandlu jiddomina s-serata tal-Golden Globes

 

 

Kmieni għada filgħodu, jitħabbru r-rebbieħa tal-Golden Globes waqt il-75 ċerimonja li tinawgura l-istaġun għall-għoti tal-Premjijiet fid-dinja ta’ Hollywood.

Il-personalitajiet taċ-ċinema u t-televiżjoni matul il-lejl se jattendu għal din iċ-ċerimonja lebsin l-iswed, bi protesta simbolika kontra l-isfruttament tan-nisa f’dan il-qasam.

Il-komiku Seth Meyers, li hu inkarigat mid-diskors tal-ftuh, mistenni jikkonċentra fuq l-issue tal-abbuż u persekuzzjoni ta’ nies għal skop sesswali f’Hollywood, fid-dawl tal-akkużi kontra l-produttur tal-films Harvey Weinstein u oħrajn li ddominaw l-aħbarijiet fl-aħħar xhur.

Intant, l-aktar film innominat għall-unuri waqt il-Golden Globes hu The Shape of Water ta’ Guillermo del Toro, b’seba’ nominazzjonijiet. Dan il-film hu fost il-finalisti fil-kategorija għall-aħjar films drammatiċi, flimkien ma’ Dunkirk, The Post, Call Me By Your Name u Three Billboards Outside Ebbing, Missouri.

Il-films innominati għall-aħjar produzzjoni komika u mużikali huma The Disaster Artist, Get Out, The Greatest Showman, Lady Bird u I, Tonya.

Sadanittant, mistennija taqtigħa interessanti għall-premju tal-Aħjar Attur fi Produzzjoni Drammatika bejn il-Britanniku Gary Oldman, li jinterpreta lil Sir Winston Churchill f’The Darkest Hour u Daniel Day-Lewis, għall-film Phantom Thread.